Il-Parlament jitlob azzjoni biex tissolva l-kriżi tal-akkomodazzjoni

Il-Parlament Ewropew qed jitlob lill-pajjiżi tal-UE jieħdu azzjoni dwar il-kriżi tal-akkomodazzjoni biex ikun hemm djar għall-but ta' kulħadd u aktar investiment f'akkomodazzjoni deċenti.

L-akkomodazzjoni affordabbli hija dritt bażiku tal-bniedem u trawwem il-koeżjoni soċjali.
©AdobeStock_Mulderphoto

In-nuqqas ta' akkomodazzjoni bi prezz aċċessibbli qed isir problema dejjem akbar fl-UE; il-prezzijiet tal-proprjetà u l-kirjiet qed jiżdiedu l-ħin kollu meta mqabbla mal-introjtu tul is-snin.


Fil-21 ta' Jannar il-Parlament adotta riżoluzzjoni li fiha talab lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-akkomodazzjoni adegwata bħala dritt fundamentali tal-bniedem infurzabbli permezz tal-leġiżlazzjoni. Kulħadd għandu jkollu aċċess ugwali għal akkomodazzjoni deċenti u sana, b'konnessjoni ma' ilma tax-xorb ta' kwalità għolja, sanità adegwata, drenaġġ u enerġija affidabbli, qalu l-MEPs.


Il-kriżi tal-akkomodazzjoni – problema għal kulħadd


Is-sitwazzjoni marret għall-agħar partikolarment għas-sidien bi dħul baxx u l-kerrejja privati, iżda anke persuni b'introjtu medju qed jisfaw mgħobbija żżejjed bl-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tal-manutenzjoni. Ġenituri waħedhom, familji kbar u żgħażagħ fl-ewwel impjieg – b'mod speċjali – għandhom introjtu baxx wisq biex jaffordjaw il-kirjiet tas-suq, u għoli wisq biex jagħmilhom eliġibbli għall-akkomodazzjoni soċjali.


It-tifqigħa tal-coronavirus xeħtet l-attenzjoni anke fuq il-problema tal-akkomodazzjoni, billi wisq nies qed ikollhom iqattgħu l-lockdown fi djar bi standards baxxi. Fuq medda medja ta' żmien, il-kriżi mistennija tkompli żżid l-għadd ta' persuni mingħajr dar.

Xi tfisser akkomodazzjoni għall-but ta' kulħadd?

  • • Il-proporzjon bejn il-prezz tal-akkomodazzjoni u l-introjtu huwa l-aktar kriterju użat komunement biex titkejjel l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet.
  • • Bejn l-2010 u l-2018, is-sehem tal-popolazzjoni li tonfoq aktar minn 40% tal-introjtu disponibbli tagħha fuq l-akkomodazzjoni kien ta' madwar 10% fl-EU-27. Jeżistu differenzi sostanzjali bejn pajjiż u ieħor.

X'inhuma l-kawżi tal-problema tal-akkomodazzjoni?


It-trasformazzjoni tal-akkomodazzjoni f'assi finanzjarji jew komoditajiet hija waħda mill-fatturi ewlenin taż-żieda fl-ispejjeż. In-nies jixtru proprjetà oħra biex jiġġeneraw introjtu addizzjonali u jissupplimentaw il-pensjonijiet tagħhom. L-investiment barrani jikkontribwixxi biex jiżdiedu l-prezzijiet tal-proprjetà lokalment, u pjattaformi bħal Airbnb inaqqsu l-akkomodazzjoni disponibbli għan-nies tal-lokal, speċjalment fiċ-ċentri tal-bliet.


Minbarra dan kollu, jeżistu differenzi sinifikanti bejn Stat Membru u ieħor fir-rigward tal-politiki tagħhom dwar l-akkomodazzjoni soċjali.

L-akkomodazzjoni fl-UE: fatti u ċifri

  • f'dawn l-aħħar tliet snin il-prezzijiet tad-djar fl-EU għolew b'medja ta' 5%
  • • l-infiq fuq l-akkomodazzjoni soċjali (trasferimenti u kapital) mill-gvernijiet jirrappreżenta 0.66% biss tal-PDG Ewropew
  • • akkomodazzjoni inadegwata tiswa lill-ekonomiji tal-UE €195 biljun fis-sena

X'soluzzjonijiet qed jipproponi l-Parlament


L-UE tista' tinfluwenza s-suq tal-akkomodazzjoni indirettament permezz tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-liġi fiskali u tal-kompetizzjoni u bl-adozzjoni ta' linji gwida u rakkomandazzjonijiet. Pereżempju, bidliet fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jistgħu jagħmluha aktar faċli għall-awtoritajiet pubbliċi biex jappoġġjaw lill-gruppi kollha li l-ħtiġijiet tal-akkomodazzjoni tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfati faċilment bil-kundizzjonijiet tas-suq.


Fir-riżoluzzjoni tagħhom, l-MEPs

- itennu l-appell tagħhom għal mira fil-livell tal-UE biex sal-2030 ma jkunx hemm aktar persuni mingħajr dar;

- jitolbu lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi tal-UE jagħtu prijorità lit-tnaqqis fl-emissjonijiet u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz tar-rinnovazzjoni tal-akkomodazzjonijiet, bi qbil mal-Patt Ekoloġiku;

- iħeġġu lill-Istati Membri jikkollaboraw dwar il-finanzjament tal-investiment soċjali mas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u s-settur privat;

- jitolbu lill-Istati Membri jindirizzaw id-diskriminazzjoni fil-konfront ta' gruppi vulnerabbli fis-suq tal-akkomodazzjoni;

- jitolbu lill-Kummissjoni biex, sa nofs l-2021, tressaq proposti leġiżlattivi kontra t-trattament tad-djar bħala assi negozjabbli aktar milli dritt tal-bniedem;

- iħeġġu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu aktar f'akkomodazzjoni soċjali, pubblika, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, adegwata u affordabbli.


Aktar dwar x'qed jagħmel il-Parlament fil-qasam tal-politika soċjali