Kif l-UE qed tagħti appoġġ lill-Ukrajna

Fid-dawl tal-pressjonijiet dejjem akbar min-naħa tar-Russja fuq l-Ukrajna, l-UE lesta tappoġġa lil Kiev u ssawwar rabtiet aktar mill-qrib. Skopri kif.

 

Sfond

 

Mindu nqatgħet mill-Unjoni Sovjetika fl-1991, l-Ukrajna kompliet miexja fi triqitha, anki billi sawret rabtiet aktar mill-qrib mal-bqija tal-Ewropa.

 

L-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

 

Ir-relazzjonijiet tal-Ukrajna mar-Russja kienu ta’ tensjoni minħabba d-determinazzjoni tar-Russja li żżomm il-pajjiż fl-isfera ta’ influwenza tagħha. Fl-2014, ir-Russja annettiet il-Krimea bi ksur tal-liġi internazzjonali, pass ikkundannat bil-qawwa mill-UE. Qed tkompli wkoll gwerra ibrida kontra l-Ukrajna, inklużi l-pressjoni ekonomika u l-attakki ta’ diżinformazzjoni.

 

Fix-xhur ta’ qabel l-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja fi Frar 2022, il-Membri tal-PE esprimew tħassib dejjem akbar dwar it-theddida militari tal-pajjiż u appellaw għal rispons koordinat tal-UE.

 

Fl-24 ta’ Frar 2022, ir-Russja nediet attakk wiesa’ fuq l-Ukrajna. L-UE wieġbet b’serje ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja kif ukoll b’inizjattivi li jappoġġaw lill-Ukrajna.

 

Għaliex l-UE u l-Parlament Ewropew qegħdin mal-Ukrajna

 

L-invażjoni illegali u mhux provokata tal-Ukrajna mir-Russja mhijiex biss attakk fuq l-integrità territorjali tal-pajjiż, iżda toħloq ukoll riskju serju għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-Ewropa kollha. Huwa wkoll attakk fuq il-valuri fundamentali li l-UE tirrappreżenta bħal-libertà u d-demokrazija.

 

Ara l-iskeda ta’ żmien tagħna dwar kif l-UE u l-Parlament Ewropew qed jappoġġaw lill-Ukrajna fl-2024, kif l-UE u l-Parlament Ewropew kienu qed jappoġġaw lill-Ukrajna fl-2023 u kif appoġġaw lill-pajjiż fl-2022.

 

Il-prospettivi tal-Ukrajna għas-sħubija fl-UE

 

Fl-2014, ġie adottat il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna. Il-ftehim stabbilixxa assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-Ukrajna u ppreveda aċċess reċiproku għas-suq ħieles.

 

L-Ukrajna applikat għas-sħubija fl-UE fi Frar 2022. Il-Parlament appoġġa l-applikazzjoni tagħha u appella lill-pajjiżi tal-UE biex jagħtuha status ta’ kandidat, li seħħ f’Ġunju 2022, u aktar tard biex jinfetħu taħditiet dwar l-adeżjoni, li tnedew formalment f’Diċembru 2023.

 

Sabiex tissieħeb fl-UE, l-Ukrajna, bħal membri prospettivi oħra, jeħtieġ li jkollha istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija u l-istat tad-dritt; ekonomija tas-suq li tiffunzjona; u l-kapaċità li tassumi u twettaq l-obbligi tas-sħubija fl-UE.

 

Għal aktar informazzjoni dwar kif jaħdem il-proċess, ara kif il-pajjiżi jissieħbu fl-UE.

 

L-UE hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Ukrajna, li jammonta għal aktar minn 55 % tal-kummerċ internazzjonali tal-pajjiż fl-2022.

 

Viżi

 

F'April 2017, il-Parlament Ewropew approva ftehim li jeżenta liċ-ċittadini tal-Ukrajna mill-obbligu ta' viża għal soġġorn qasir fl-UE.

 

Iċ-ċittadini tal-Ukrajna li għandhom passaport bijometriku jistgħu jidħlu għal 90 jum fl-UE mingħajr viża, għal perjodu ta' 180 jum, għal skopijiet ta' turiżmu, żjarat lill-familja jew lill-ħbieb, jew għal raġunijiet kummerċjali, iżda mhux għal skopijiet ta' xogħol. L-eżenzjoni tapplika għall-pajjiżi kollha tal-UE, għajr għall-Irlanda.

 

Appoġġ ieħor

 

Hemm diversi inizjattivi tal-UE biex jappoġġaw l-ekonomija tal-Ukrajna, jgħinu t-tranżizzjoni ekoloġika tagħha u jgħinu lill-pajjiż jirriforma. Minn mindu r-Russja nediet l-invażjoni fuq skala sħiħa tagħha fi Frar 2022, l-UE appoġġat lill-Ukrajna billi kkundannat l-aggressjoni Russa, issanzjonat lil dawk responsabbli u pprovdiet għajnuna finanzjarja u materjali.

 

Fl-2022, il-Parlament approva diversi selfiet lill-Ukrajna u appoġġa miżuri biex jgħinu lill-pajjiżi jieħdu refuġjati Ukreni.

 

F’Ottubru 2022, il-Membri tal-PE appellaw għal żieda enormi fl-assistenza militari lill-Ukrajna.

 

L-2023 rat lill-Parlament jistieden lil NATO biex jistieden lill-Ukrajna tingħaqad mal-alleanza, tħaffef il-proposti biex titħaffef il-produzzjoni tal-munizzjon, tinsisti għal tribunal speċjali biex jiġu kkastigati r-reati Russi, kif ukoll ħafna miżuri oħra biex jappoġġaw lill-Ukrajna.

 

Fi Frar 2024, il-Membri tal-PE laħqu ftehim mal-pajjiżi tal-UE dwar ir-reviżjoni tal-baġit fit-tul tal-UE biex tiġi żgurata soluzzjoni ta’ finanzjament stabbli għall-Ukrajna. L-UE se tipprovdi lill-Ukrajna b’€50 biljun f’self u għotjiet sa tmiem l-2027.

 

Refuġjati

 

Biex tgħin lill-miljuni ta’ Ukreni li qed jaħarbu mill-pajjiż, l-UE attivat id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja għall-ewwel darba biex tagħtihom protezzjoni temporanja immedjata fl-UE.

 

Il-Parlament approva proposti biex jgħin lill-pajjiżi jieħdu ħsieb ir-refuġjati Ukreni.

 

Premju Sakharov

 

Il-Parlament ta l-Premju Sakharov 2022 lill-poplu kuraġġuż tal-Ukrajna. Il-President tal-Parlament Roberta Metsola tkellmet dwar il-kuraġġ u s-sagrifiċċji tal-poplu Ukren fiċ-ċerimonja: “Il-poplu Ukren mhux biss qed jiġġieled gwerra ta’ indipendenza iżda qed jiġġieled gwerra ta’ valuri. Il-valuri li huma l-bażi ta’ ħajjitna fl-Unjoni Ewropea u li għal żmien twil kellna l-lussu li neħduhom kuljum bħala fatt.”

 

Metsola ddikjarat ukoll l-appoġġ sod tal-UE għall-ġlieda tal-Ukrajna kontra l-aggressjoni tar-Russja: “Il-messaġġ mill-Ewropa kien ċar: Aħna nappoġġaw lill-Ukrajna. Mhux se ndawru wiċċna.”