Rebbieħ tal-Premju Ċinematografiku Lux: "Dan il-film jittratta mara li tixtieq issalva d-dinja" (video) 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-film "Woman at War" rebaħ il-Premju Ċinematografiku Lux ta' din is-sena.

F'intervista, id-direttur Benedikt Erlingsson tkellem dwar it-tibdil fil-klima u l-isfidi li dan iġib miegħu għad-demokrazija.

Woman at war (Kona fer í stríð) huwa l-istorja ta' Halla, għalliema tal-mużika li taħdem b'passjoni u klandestinament favur l-ambjent. Hekk kif tibda tippjana att ta' sabutaġġ fuq impjant tal-produzzjoni tal-aluminju, li qed jeqred il-pjanuri għolja tal-Iżlanda, hi ssir taf li l-applikazzjoni tagħha biex tadotta ġiet aċċettata, u li fl-Ukrajna hemm tifla ċkejkna qed tistenniha. F'dak il-waqt hija tiffaċċja d-dilemma ta' kif se tirrikonċilja l-ġlieda tagħha favur l-ambjent max-xewqa profonda tagħha li ssir omm. Hi ssib is-saħħa fin-natura u fil-persuni li jappoġġaw il-kawża tagħha.


Meta jiddeskrivi l-film, id-direttur Benedikt Erlingsson qal: "Il-film jittratta d-demokrazija, il-propaganda fil-mezzi tax-xandir, u l-ġlieda ambjentali u d-dritt tal-poplu li jaġixxi anke jekk jikser ir-regoli." Dan it-thriller indipendenti mimli azzjoni u b'ħafna mużika, komiku u surreali, juża n-natura meraviljuża tal-Iżlanda biex juri l-urġenza drammatika tal-kwistjonijiet ambjentali li d-dinja qed tħabbat wiċċha magħhom.


Sejħa għal azzjoni


"Il-film tiegħi huwa wkoll twissija," jgħid il-direttur Iżlandiż waqt Facebook live wara li rċieva l-premju. "Teżisti kultura stramba ta' ċaħda u posponiment tal-problema. Irridu nibdlu l-istil ta' ħajja tagħna, u dan hu sfida kbira għall-ġenerazzjoni tagħna."


"In-nisa qegħdin b'mod kostanti jsalvaw id-dinja"


Meta ġie mistoqsi għalfejn għażel li jagħti l-parti prinċipali lil mara, (Halldóra Geirharðsdóttir), Erlingsson wieġeb: "In-nisa b'mod kostanti jsalvaw id-dinja. Xi drabi jużaw strateġiji differenti mill-irġiel. Illum id-dinja jeħtieġ li tiġi salvata, u fit-taqbida ambjentali n-nisa sikwit jinsabu fuq quddiem nett."

Benedikt Erlingsson (left) during the prize ceremony in Strasbourg  

Dibattitu ċinematografiku u politiku


Waqt l-għoti tal-premju fil-plenarja, il-President Antonio Tajani qal: "Il-films finalisti jindirizzaw tliet temi ewlenin għall-ġejjieni tal-Ewropa: ir-riskji assoċjati man-nazzjonaliżmu estrem, l-urġenza li naġixxu biex insalvaw l-ambjent u l-ħtieġa li jinstabu tweġibiet koerenti u koeżivi għall-kwistjoni tal-migrazzjoni." Huwa żied jgħid, "Intom urejtuna perspettivi ġodda u personali din l-Ewropa tagħna, u b'hekk qed tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għad-dibattitu politiku li jsir kuljum f'din l-istituzzjoni."


Erlingsson kellu wkoll messaġġ marbut mal-elezzjonijiet Ewropej f'Mejju 2019: "Aħna l-aħħar ġenerazzjoni li nistgħu nagħmlu xi ħaġa dwar it-tibdil fil-klima. Jekk ma nagħmlux hekk, se jkun tard wisq għal uliedna. Huwa għalhekk li jeħtieġ li nivvutaw, għax il-vot huwa wieħed mill-akbar strumenti li għandna fil-ġlieda tagħna biex insalvaw id-dinja."


Il-finalisti tal-Premju Lux 2018 kienu Styx, Woman at War, u The Other Side of Everything. Skopri aktar dwarhom u dwar meta tista' tarahom f'ċinema f'pajjiżek.


Agħżel il-film favorit tiegħek u jaf tintgħażel biex tħabbar ir-rebbieħ tal-Premju Rakkomandazzjoni tal-Pubbliku fil-festival ċinematografiku internazzjonali f'Karlovy Vary fir-Repubblika Ċeka s-sena d-dieħla.


Appoġġ għaċ-ċinema Ewropea


Matul dawn l-aħħar 12-il sena, il-Premju Ċinematografiku Lux ikkontribwixxa għall-promozzjoni tal-films Ewropej permezz tal-finanzjament tas-sottotitolar tat-tliet films finalisti bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Il-film rebbieħ jiġi adatt għall-persuni bi problemi tal-vista u tas-smigħ, u jirċievi appoġġ għal promozzjoni internazzjonali.