Ħafna Frattarija Dwar il-PNR 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Abbozz ta' rapport rivedut dwar il-PNR huwa maħsub li jiġi ppreżentat lill-Membri tal-PE fl-aħħar ta' Frar. ©BELGA/J.Hamers  

L-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefon, id-dettalji dwar il-karta tal-kreditu, l-itinerarju tal-ivvjaġġar, il-biljett u l-informazzjoni dwar il-bagalji: kollha data li se tinġabar skont il-proposta leġiżlattiva tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri. Din il-miżura, miċħuda l-ewwel darba fl-2013 minħabba fi tħassib dwar l-impatt li jista' jkollha fuq id-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data, issa reġgħet sabet ruħha fuq l-aġenda tal-Membri tal-PE.

Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) madwar l-UE kollha jkun jeħtieġ il-ġbir, l-użu u ż-żamma sistematiċi tad-data dwar il-passiġġieri li se jaqbdu titjira internazzjonali. Billi jagħmel l-identifikazzjoni ta' suspetti potenzjali aktar faċli, ikun jista' jassisti aħjar lis-servizzi tas-sigurtà fil-ġlieda kontra t-theddid tat-terroriżmu u attivitajiet kriminali oħra.


Il-Membri tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament ċaħdu l-proposta fl-2013 minħabba fi tħassib dwar l-impatt potenzjali fuq id-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data. Madankollu, l-attakki terroristiċi u t-tħassib reċenti dwar it-theddida dejjem tikber ikkawżata minn Ewropej li jiġu lura wara li jkunu ġġieldu għall-hekk imsejjaħ "Stat Iżlamiku" taw lill-miżura spinta ġdida u deċisiva.


Xi jmiss?

F'riżoluzzjoni dwar miżuri kontra t-terroriżmu fil-11 ta' Frar, il-Membri tal-PE wiegħdu li jaħdmu "favur it-tlestija tad-Direttiva dwar il-PNR tal-UE sa tmiem is-sena". Huwa mistenni li jiġi ppreżentat abbozz ta' rapport rivedut mill-Kumitat għal-Libertajiet fl-aħħar ta' Frar mill-Membru Ingliż tal-ECR Timothy Kirkhope.


Sabiex jiġi żgurat li l-proposta l-ġdida ma tmurx kontra d-drittijiet fundamentali, il-Parlament qed iħeġġeġ lill-Istati Membri jimxu 'l quddiem fir-rigward tal-Pakkett dwar il-Protezzjoni tad-Data. Dan jippermetti lin-negozjati taż-żewġ proposti jseħħu b'mod simultanju.


Ikklikkja hawn għal aktar dwar il-proposti tal-PNR