Premju LUX tal-Udjenza 2022: żvelati n-nominati

It-tliet films Ewropej nominati għall-Premju LUX tal-Udjenza 2022 huma: Flee, Great Freedom u Quo Vadis, Aida? Arahom u vvota għall-favorit tiegħek.

Sigrieti u deċiżjonijiet impossibbli fil-Premju tal-Udjenza LUX 2022.

Il-Premju LUX tal-Udjenza jappoġġa ċ-ċinema Ewropea u jispira diskussjoni dwar kwistjonijiet topiċi. Is-sena l-oħra, il-Parlament Ewropew ingħaqad mal-European Film Academy biex jorganizza l-Premju u jilħaq udjenza usa'. Il-Premju LUX tal-Udjenza issa huwa miftuħ għall-Ewropej kollha biex, flimkien mal-Membri tal-PE, isemmgħu leħinhom dwar min jirbaħ il-premju.

Il-films kompetituri fl-edizzjoni tal-2022 tħabbru f'ċerimonja f'Berlin fil-11 ta' Diċembru 2021. Dawn huma: "Flee" ta' Jonas Poher Rasmussen, "Great Freedom" ta' Sebastian Meise u "Quo Vadis, Aida?" ta' Jasmila Žbanić.

Ispirati minn avvenimenti veri, il-films magħżula jitkellmu dwar il-vulnerabbiltà u l-firda, iżda wkoll dwar il-qawwa ta' fejqan tat-tolleranza u l-kompassjoni.


In-nominati

FLEE – ta' Jonas Poher Rasmussen

F'din l-animazzjoni, Amin jirrakkonta l-vjaġġ tiegħu bħala tifel rifuġjat Afgan li wasal waħdu d-Danimarka. Huwa jipprova jirrikonċilja mal-passat iżda wkoll miegħu nnifsu u s-sigrieti li kien qed jaħbi.

GREAT FREEDOM – ta' Sebastian Meise

Fil-Ġermanja ta' wara l-gwerra, Hans dieħel u ħiereġ il-ħabs għax huwa omosesswali. B'mod sistematiku, jiġi mċaħħad mil-libertà talli kiser il-paragrafu 175 tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż. L-unika ħaġa kostanti f'ħajtu hija ma' sieħbu taċ-ċella għal żmien twil, Viktor, li huwa qattiel ikkundannat.

QUO VADIS, AIDA? – ta' Jasmila Žbanić

Aida hija traduttriċi għall-forzi taż-żamma tal-paċi fi Srebrenica matul is-sajf tal-1995. Il-familja tagħha hija fost l-eluf ta' persuni ċivili li qed ifittxu kenn fil-kamp tan-NU. Aida ssir taf x'destin terribbli hemm jistenna lil familtha u lil niesha, iżda tista' tagħmel xi ħaġa biex twaqqfu?

Ara u vvota

Ir-rebbieħ se jiġi deċiż b'voti mill-udjenza u mill-Membri tal-PE, b'kull grupp ikollu piż ta' 50% fil-punteġġ finali.

Ħu sehem fl-akbar ġurija tal-films fl-Ewropa! Ara u vvota għall-film favorit tiegħek sal-25 ta' Mejju 2022. Iċ-ċerimonja tal-Premju LUX tal-Udjenza se ssir fit-8 ta' Ġunju 2022 fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu

Skopri min rebaħ il-Premju LUX tal-Udjenza 2021

Ara artikli relatati