Ilham Tohti jirbaħ il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2019

Ilham Tohti, ekonomista Uyghur li qed jiġġieled għad-drittijiet tal-minoranza Uyghur fiċ-Ċina, huwa r-rebbieħ tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb fl-2019.

ritratt tar-rebbieħ tal-Premju Sakharov 2019 Ilham Tohti © Andy Wong/AP images
Ilham Tohti

Ir-rebbieħ intgħażel mill-mexxejja politiċi tal-Parlament fl-24 ta' Ottubru 2019.

Meta ħabbar ir-rebbieħ, il-President tal-Parlament David Sassoli qal: “Għandi l-pjaċir kbir li nħabbar li l-Parlament Ewropew għażel lil Ilham Tohti bħala r-rebbieħ tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2019. Tohti ddedika ħajtu biex jaħdem favur id-drittijiet tal-minoranza Uyghur fiċ-Ċina. Minkejja li huwa vuċi ta' moderazzjoni u rikonċiljazzjoni, safa kkundannat għal ħajtu fil-ħabs wara proċess finta fl-2014.

Permezz tal-għoti ta' dan il-premju, bil-qawwa kollha nħeġġu lill-gvern Ċiniż biex jeħles lil Tohti, u nitolbu li d-drittijiet tal-minoranzi fiċ-Ċina jiġu rrispettati."

Dwar ir-rebbieħ

Tohti jaħdem favur id-djalogu u l-implimentazzjoni tal-liġijiet għall-awtonomija reġjonali fiċ-Ċina. Fl-2014 ġie kkundannat għal għomru l-ħabs fuq akkużi relatati mas-separatiżmu. Minkejja dan, għadu vuċi ta' moderazzjoni u rikonċiljazzjoni. Mill-2017 'l hawn, aktar minn miljun Uyghur sfaw miżmuma f'xibka sħiħa ta' kampijiet ta' internament.


Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni

Il-premju, li jikkonsisti f'ċertifikat u €50,000, se jingħata f'ċerimonja fil-Parlament fi Strasburgu fit-12 ta' Diċembru 2019.

Il-finalisti

Difensuri Brażiljani tad-drittijiet tal-bniedem u studenti Kenjani wkoll kienu fost il-finalisti għall-Premju Sakharov ta' din is-sena.

Skopri aktar dwar il-finalisti l-oħra.

Aktar dwar il-Premju Sakharov

Il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb, li jġib isem il-fiżiku u dissident politiku Sovjetiku Andrei Sakharov, ilu jingħata kull sena mill-1988 lil individwi u organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem.

Is-sena li għaddiet il-premju ngħata liċ-ċinematografu Ukren Oleg Sentsov.

Skopri kif jintgħażel ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov fl-infografika tagħna.