Schengen: x'inhuma l-kwistjonijiet li jaffettwaw iż-żona bla fruntieri?  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Schengen qed tiffaċċja sfidi li jistgħu jipperikolaw l-eżistenza tagħha. Skopri aktar dwar dawn il-kwistjonijiet u l-konsegwenzi tagħhom għaż-żona bla fruntieri.

Schengen visa in passport ©AP Images/European Union-EP  

Il-Parlament jikkundanna l-kontinwazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fiż-żona Schengen f'rapport li għandu jiġi diskuss nhar it-Tlieta 29 ta' Mejju u jittieħed vot fuqu l-għada.

 

Fir-rapport dwar il-funzjonament taż-żona Schengen, il-Membri tal-PE jwissu li ż-żona ta' vvjaġġar bla passaport hija taħt "pressjoni kbira ħafna". L-awtur tar-rapport Carlos Coelho, membru Portugiż tal-Grupp PPE, qal: "Il-gvernijiet nazzjonali użaw Schengen bħala l-ħtija għall-fallimenti tal-politiki ta' sigurtà u tad-dgħufija tas-sistema Ewropea komuni tal-asil. Madankollu, Schengen mhijiex il-problema, iżda s-soluzzjoni."

 

Coelho wissa li r-retorika li t-tort jintefa' fuq il-moviment ħieles tista' tkisser is-sistema unika ta' Schengen: "Jekk Schengen tinqered, l-Ewropa taċ-ċittadini li għandna llum tisparixxi wkoll."

Schengen mhijiex il-problema, iżda s-soluzzjoni.

 

Żmien skoraġġanti għaż-żona Schengen

 

Il-kontrolli fuq ċerti fruntieri ġew introdotti b'rispons għal attakki terroristiċi fl-Ewropa u l-influss konsiderevoli ta' refuġjati lejn l-UE fl-2015. Il-fluss migratorju u l-persuni li jfittxu asil ġew meqjusa bħala theddida għas-sigurtà interna u l-Istati Membri milquta użaw id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen biex jintroduċu l-kontrolli fil-fruntieri interni. Dawn huma mistennija li jkunu miżuri temporanji u eċċezzjonali, iżda aktar minn sentejn wara, iż-żona Schengen għadha ma ġietx għan-normal.

 

"Il-fruntieri interni għadhom fis-seħħ, l-aktar minħabba li qed inħallsu l-prezz ta' problemi li huma barra mill-ambitu ta' Schengen, bħall-politika dwar l-asil," qal Coelho.

 

Bħalissa sitt pajjiżi japplikaw kontrolli tal-fruntieri: Franza, l-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja.

 

Kemm jiswew il-kontrolli fil-fruntieri u min huwa affettwat?

 

Il-kontrolli fil-fruntieri jfixklu l-fluss ħieles tal-persuni, il-prodotti u s-servizzi madwar l-UE. B'mod partikolari, il-kontrolli jaffettwaw lill-vjaġġaturi (1.7 miljun persuna jaqsmu l-fruntiera kuljum biex jaħdmu f'pajjiż ieħor tal-UE), lit-turisti u lill-kumpaniji tat-trasport. Barra minn hekk, hemm spejjeż amministrattivi u tal-infrastruttura għas-settur pubbliku.

 

Fuq medda ta' sentejn, l-ispiża tal-kontrolli fil-fruntieri hija stmata li tiswa' €25-50 biljun fi spejjeż ta' darba u €2 biljun fi spejjeż annwali operattivi. Skopri aktar dettalji fil-briefing tagħna.

 

It-tisħiħ taż-żona Schengen

 

Dan l-aħħar, l-UE adottat diversi miżuri biex issaħħaħ l-integrità taż-żona ta' Schengen:

 

 

L-istabbiliment mill-ġdid ta' Schengen

 

Il-Membri tal-PE jappoġġaw il-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni Ewropea biex tiġi stabbilita mill-ġdid iż-żona bla fruntieri u għamlu suġġerimenti dwar kif wieħed għandu jipproċedi. "Is-soluzzjoni hija r-rieda politika," qal Coelho. "Minkejja l-qafas Ewropew, il-fruntieri jibqgħu nazzjonali, l-Istati Membri biss jistgħu jbiddlu dan."

 

Il-Parlament isostni li l-Bulgarija u r-Rumanija huma lesti li jingħaqdu maż-żona Schengen u jappella lill-Kunsill biex japprova l-adeżjoni tagħhom.

Iż-żona Schengen f'ċifri 

  • 26: l-għadd ta' pajjiżi fiż-żona Schengen 
  • 4: pajjiżi li mhumiex fl-UE iżda jiffurmaw parti minn Schengen (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera) 
  • 6: pajjiżi tal-UE li mhumiex parti miż-żona Schengen (il-Bulgarija, Ċipru, il-Kroazja, l-Irlanda, ir-Rumanija, ir-Renju Unit) 

50,000: it-tul tal-fruntieri esterni taż-żona Schengen f'kilometri 

Map of European Schengen Area