Schengen: x'inhuma l-kwistjonijiet li jaffettwaw iż-żona bla fruntieri?

Liema kwistjonijiet qed jipperikolaw l-eżistenza taż-żona Schengen. X'inhuma l-problemi u x'konsegwenzi għandhom għaż-żona bla fruntieri.

F'dawn l-aħħar għaxar snin iż-żona Schengen sfat taħt pressjoni minħabba kriżi waħda wara l-oħra. Skont ir-regoli Schengen, l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni għandha tkun miżura temporanja u eċċezzjonali. Diversi pajjiżi tal-UE introduċew kontrolli fil-fruntieri interni b'reazzjoni għall-attakki terroristiċi u għall-fluss notevoli ta' rifuġjati li daħlu fl-UE fl-2015. Il-fluss ta' migranti u persuni li jfittxu ażil inħass bħala theddida għas-sigurtà interna u l-Istati Membri li ntlaqtu użaw id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen biex jintroduċu l-kontrolli fil-fruntieri interni.


Fl-2020, minħabba l-COVID-19, diversi pajjiżi tal-UE kellhom jerġgħu jdaħħlu l-kontrolli fil-fruntieri biex jippruvaw irażżnu t-tifrix tal-virus.


Kemm jiswew il-kontrolli fil-fruntieri u min huwa affettwat?


Il-kontrolli fil-fruntieri jostakolaw il-moviment liberu tal-persuni, tal-prodotti u tas-servizzi fl-UE kollha. Il-kontrolli jħallu impatt negattiv l-aktar fuq is-settur tat-trasport, tat-turiżmu u tal-ħaddiema: fil-fatt huma 1.7 miljun il-ħaddiema li kuljum jaqsmu fruntiera biex imorru x-xogħol. Dawn il-kontrolli jġibu magħhom spejjeż amministrattivi u relatati mal-infrastrutturi għas-settur pubbliku.

Fuq medda ta' sentejn, il-kontrolli fil-fruntieri jqumu, skont stimi, bejn EUR 25 u 50 biljun fi spejjeż ta' darba u EUR 2 biljun fis-sena fi spejjeż operattivi. Skopri aktar dettalji fil-briefing tagħna.

It-tisħiħ taż-żona Schengen

Dan l-aħħar, l-UE adottat diversi miżuri biex issaħħaħ l-integrità taż-żona ta' Schengen:




  • l-Europol, l-aġenzija tal-pulizija tal-UE, ingħatat aktar poteri biex tintensifika l-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Schengen lura għan-normalità

F'Diċembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet aġġornament tar-regoli li jirregolaw iż-żona Schengen, bil-għan li jiżguraw li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni tibqa' miżura tal-aħħar riżorsa u jippromwovu l-użu ta' miżuri alternattivi bħal kontrolli mmirati tal-pulizija u kooperazzjoni msaħħa tal-pulizija.

Il-Parlament Ewropew qed jaħdem fuq il-proposta. F'diversi okkażjonijiet il-Membri tal-PE tkellmu kontra l-introduzzjoni mill-ġdid frekwenti tal-kontrolli, li tostakola l-moviment liberu tal-persuni fl-UE kollha.

F'vot li ttieħed fit-18 ta’ Ottubru 2022, il-Membri tal-PE tennew l-appell tagħhom biex ir-Rumanija u l-Bulgarija jiġu aċċettati fiż-żona Schengen mill-aktar fis possibbli, u saħqu fuq il-fatt li l-moviment liberu huwa l-qofol tal-proġett tal-UE.

Fl-10 ta’ Novembru 2022, il-Parlament ivvota favur l-adeżjoni tal-Kroazja fiż-żona ta' moviment liberu qabel tmiem l-2022. Fl-1 ta’ Jannar 2023, il-Kroazja daħlet fiż-żona Schengen.

Iż-żona Schengen f'ċifri

  • 27: l-għadd ta' pajjiżi fiż-żona Schengen
  • 4: il-pajjiżi li mhumiex fl-UE li jagħmlu parti miż-żona Schengen (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera)
  • 4: il-pajjiżi tal-UE li mhumiex parti miż-żona Schengen (il-Bulgarija, Ċipru, l-Irlanda, ir-Rumanija)
  • 50,000+: it-tul f'kilometri tal-fruntieri esterni taż-żona Schengen

Dan l-artiklu ġie inizjalment ippubblikat f'Mejju 2018 u ġie aġġornat l-aħħar f'Jannar 2023.