Kif il-Parlament jivvota għall-Kummissjoni Ewropea fil-kariga (infografika)

Iċ-ċittadini Ewropej eleġġew il-Membri tal-PE, u waqt sensiela ta' seduti ta' smigħ pubbliku dawn se jivvalutaw jekk il-kandidati għall-kummissarji humiex adattati għal din il-kariga.

L-eżerċizzju tad-demokrazija

F'Mejju 2019, aktar minn 200 miljun ċittadin Ewropew ivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej u b'hekk taw mandat b'saħħtu lill-Parlament Ewropew il-ġdid. L-elezzjonijiet kienu l-ewwel pass fi proċess ta' bidla fl-istituzzjonijiet Ewropej li jilħaq il-quċċata tiegħu bil-korp eżekuttiv tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea.

Fl-1 ta' Novembru, għandu jieħu l-kariga tim ġdid ta' kummissarji, iżda dan jiġri biss jekk il-Parlament Ewropew jagħti l-approvazzjoni tiegħu f'votazzjoni plenarja. Qabel ma jieħdu dik id-deċiżjoni u jagħtu l-leġittimità li teħtieġ il-Kummissjoni, il-Membri tal-PE se jiltaqgħu ma' kull kummissarju nominat u jittestjaw l-adegwatezza tagħhom waqt sensiela ta' seduti ta' smigħ pubbliku.

Infografika li tispjega l-istadji differenti tas-seduti ta' smigħ li jwasslu għall-Kummissjoni l-ġdida
Skopri kif jaħdem dan il-proċess fl-infografika tagħna.

Il-Kummissarji se jagħtu riżultati liċ-ċittadini Ewropej?

L-għan tas-seduti ta' smigħ huwa li l-Membri tal-PE jeżaminaw il-kompetenzi u l-abbiltajiet tal-kummissarji nominati. Il-Membri tal-PE se janalizzaw mhux biss il-kwalitajiet personali tal-kandidati, iżda wkoll jekk għandhomx l-ideat biex imexxu l-affarijiet 'il quddiem għall-Ewropej fil-qasam li jkunu ġew innominati għalih.

Is-seduti preċedenti wrew li l-kandidati ma jistgħux ikunu ċerti li se jiksbu l-approvazzjoni. Fl-2014, is-Slovena Alenka Bratušek naqset milli tikkonvinċi lill-Membri tal-PE u ġiet sostitwita. Fl-2010, il-kandidata Bulgara Rumiana Jeleva rtirat wara seduta diffiċli fil-Parlament.

Is-seduti tas-smigħ huma mistennija jibdew fl-aħħar ta' Settembru 2019. L-iskeda eżatta se titħabbar ladarba l-President elett tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen tindika liema portafoll huwa maħsub għal kull kummissarju nominat.


Segwi l-proċess fuq il-paġna tas-seduti ta' smigħ tagħna.