Il-klawsola dwar difiża reċiproka fl-UE: x'jgħid it-Trattat u xi jfisser fil-prattika

Wara l-attakki terroristiċi f'Pariġi f'Novembru li għadda, Franza talbet lill-pajjiżi tal-UE jgħinuha billi attivat klawsola dwar "għajnuna u appoġġ" fit-trattati li qatt ma kienet intużat qabel. Dan qajjem diversi mistqosijiet dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita u dwar ir-rwol tal-Unjoni f'sitwazzjoni bħal din. L-MEPs iddiskutew dawn fl-20 ta' Jannar u vvutaw fuq riżoluzzjoni l-għada. Ara l-infografika dwar x'jgħid it-test legali u x'inhuma l-implikazzjonijiet prattiċi.

infographic illustration
Il-klawsola dwar difiża reċiproka fl-UE

L-Artikolu 42 (7) tat-Trattat tal-UE


Il-klawsola ddaħlet fl-2009 taħt l-Artikolu 42 (7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Tgħid li l-pajjiżi tal-UE huma obbligati li jassistu lil pajjiż fosthom li jisfa "vittma ta' aggressjoni armata fuq it-territorju tiegħu" u li dan l-appoġġ għandu jkun konsistenti ma' obbligi potenzjali fi ħdan in-NATO.


M'hemm l-ebda proċedura stipulata u dan l-artikolu ma jirrikjedix espressament li l -assistenza għandha tkun ta' natura militari. Għaldaqstant, pajjiżi bħall-Awstrija, il-Finlandja, l-Irlanda u l-Iżvezja, li għandhom politika ta' newtralità, xorta waħda jistgħu jikkooperaw.


X'forma ta' għajnuna?


Minn meta saret it-talba għall-għajnuna fis-17 ta' Novembru 2015, Franza kellha taħdidiet bilaterali mal-pajjiżi membri biex tara x'tip ta' għajnuna jistgħu joffru. Xi pajjiżi esprimew il-volontà li jingħaqdu f'operazzjonijiet kontra t-terroristi fis-Sirja u l-Iraq, oħrajn lesti jżidu l-preżenza tagħhom f'missjonijiet internazzjonali oħra, biex b'hekk it-truppi Franċiżi jiffukaw fejn għandhom l-aktar bżonn.


Ir-rwol tal-UE


Minħabba li t-tip ta' għajnuna meħtieġa qed jiġi maqbul bejn l-istati fuq livell bilaterali, ir-rwol tal-UE huwa limitat. Madankollu, tista' tiffaċilita u tikkoordina l-proċess.


F'riżoluzzjoni f'Novembru 2012, l-MEPs kienu stiednu lill-kap tal-politika barranija tal-UE biex tipproponi arranġamenti prattiċi u linji gwida dwar il-klawsola dwar difiża reċiproka. Fil-plenarja din il-ġimgħa, l-MEPs iddibattew jekk għandux ikun hemm involviment aktar b'saħħtu tal-UE .

L-Artikolu 42 (7) tat-Trattat tal-UE

  • Jekk Stat Membru jkun il-vittma ta' aggressjoni armata fuq it-territorju tiegħu, l-Istati Membri l-oħra jkunu obbligati jtuh l-għajnuna u l-assistenza permezz tal-mezzi kollha li jista' jkollhom, skond l-Artikolu 51 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan m'għandux jippreġudika l-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' ċerti Stati Membri.
  • L-impenji u l-koperazzjoni f'dan il-qasam għandhom ikunu konsistenti ma' l-impenji meħuda fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, li, għal dawk l-Istati Membri li huma membri tagħha, tibqa' s-sisien tad-difiża kollettiva tagħhom u l-forum għall-implimentazzjoni tagħha.