Daqshekk: niġġieldu t-terroriżmu fuq kull front  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

l-Parlament qed jaħdem fuq għadd ta' miżuri biex iħarrax il-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Il-Membri mistennija jivvutaw dwar pjanijiet li jikkriminalizzaw it-tħejjija ta' attakki terroristiċi fl-UE u jimponu kontrolli fuq iċ-ċittadini Ewropej li jidħlu u joħorġu mill-UE. Madwar 5 000 Ewropew diġà marru f'żoni ta' kunflitt biex jingħaqdu ma' gruppi terroristiċi, u l-ġellieda li jirritornaw huma riskju għas-sigurtà. Ara l-filmat biex issir taf x'qed jagħmel il-Parlament ħalli jgħin lill-Ewropa tiġġieled it-terroriżmu.

 

Fil-filmat naraw lil Gilles de Kerchove, il-koordinatur tal-UE kontra t-terroriżmu, u lill-membru Ġermaniża tal-PPE Monika Hohlmeier, inkarigata mill-perkors leġiżlattiv tad-direttiva fil-Parlament, jiddiskutu l-aqwa modi kif għandha tiġi indirizzata t-theddida tat-terroriżmu.

 

Ir-radikalizzazzjoni

Il-Parlament qed jaħdem fuq proġett biex itejjeb id-deradikalizzazzjoni. Hohlmeier sejjaħlu "punt importanti ħafna fl-aġenda tal-prevenzjoni tat-terroriżmu". F'Novembru li għadda, il-Membri tal-PE adottaw riżoluzzjoni dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fuq l-internet u fil-ħabsijiet permezz tal-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali.

 

Il-propaganda fuq l-internet

Skont de Kerchove, hemm bżonn anke miżuri biex jikkumbattu l-propaganda tat-terroristi fuq l-internet. Huwa stmat li l-Istat Iżlamiku waħdu jibgħat mal-100 000 tweet kuljum. L-Europol ingħatat setgħat addizzjonali, li jippermettulha tivverifika l-kontenut fuq il-midja soċjali u tirrapporta dwaru f'każ ta' bżonn.

 

Il-ġellieda barranin

Xi atti terroristiċi, bħall-ordnijiet għat-twettiq ta' attakki, diġà jikkostitwixxu reat kriminali skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, iżda r-regoli l-ġodda jipproponu li anke t-tħejjija ta' att terroristiku titqies bħala att kriminali  fit-territorju kollu tal-UE. Dan jista' jinkludi l-għoti jew it-teħid ta' taħriġ fl-Ewropa u barra mill-Ewropa, il-finanzjament ta' attivitajiet terroristiċi u l-vjaġġi lejn pajjiżi oħra sabiex persuna tieħu sehem f'attivitajiet terroristiċi. Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament ivvota dwar dawn il-pjanijiet il-ġodda nhar it-Tnejn 4 ta' Lulju.

Proposta ġdida tindirizza wkoll il-kwistjoni tal-Ewropej li jirritornaw minn żoni ta' kunflitt sabiex iwettqu attakki terroristiċi fl-UE. Skont il-pjan, id-dettalji taċ-ċittadini kollha tal-UE jiġu ċċekkjati ma' databases ta' dokumenti mitlufin u misruqin fil-fruntieri esterni tal-ajru, tal-baħar u tal-art. Fil-21 ta' Ġunju, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili esprima l-appoġġ tiegħu għall-proposta u issa l-Membri tal-PE se jinnegozjaw mal-Kunsill sabiex jintlaħaq qbil.


Xi jmiss

Il-Membri tal-PE qed jaħdmu wkoll fuq proposta dwar il-kontroll tal-armi tan-nar sabiex it-terroristi tkunilhom aktar diffiċli jiksbu aċċess għall-armi.