Schengen: fruntieri intelliġenti għal protezzjoni aktar b'saħħitha (filmat)  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Biex issaħħaħ is-sigurtà, l-UE qed timplimenta sistema ta' reġistrazzjoni ġdida għad-dħul u l-ħruġ fil-fruntieri esterni taż-żona Schengen. Aktar fil-filmat.

Ir-regoli dwar id-dħul fiż-żona Schengen jeħtieġu aġġornament urġenti minħabba t-tħassib dwar is-sikurezza u ż-żieda fl-għadd ta' vjaġġaturi f'dawn l-aħħar snin. Il-Membri tal-PE vvutaw dwar il-proposti fil-25 ta' Ottubru matul is-sessjoni plenarja  fi Strasburgu.

Il-vantaġġi tas-sistema l-ġdida

Bis-sistema l-ġdida li qed tiġi proposta, l-informazzjoni dwar id-dħul, il-ħruġ jew iċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi tiġi rreġistrata ma' kull vjaġġ li jagħmlu minn u lejn l-UE. Dan jgħodd sew jekk jeħtieġu viża u sew jekk le.

Din is-sistema ssaħħaħ u tħaffef il-kontrolli fil-fruntieri billi tissostitwixxi l-ittimbrar tal-passaporti b'sistema elettronika li taħżen id-data dwar il-vjaġġaturi b'tali mod li tiffaċilita l-qsim rapidu, filwaqt li lill-awtoritajiet tagħmilhielhom aktar faċli jindunaw meta jkunu qed jintużaw identitajiet foloz jew jaqbdu lil min idum aktar milli suppost. Bħalissa l-vjaġġaturi jistgħu jibqgħu fiż-żona Schengen għal massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

 

Agustín DÍAZ DE MERA  

Agustín Díaz De Mera García Consuegra, il-Membru Spanjol tal-PPE inkarigat mill-perkors leġiżlattiv tar-regoli l-ġodda fil-Parlament, qal li s-sistema l-ġdida tista' tgħin ukoll biex jiġu identifikati t-terroristi: "Wieħed mill-metodi hu li l-awtoritajiet u l-korpi tas-sigurtà tal-istat ikollhom aċċess għal din id-data u, permezz ta' kontroverifiki ma' informazzjoni oħra, ikunu jistgħu jinħarġu twissijiet malajr. Tkunilna aktar faċli nevitaw li jerġa' jiġri bħalma ġara fl-attakk fuq is-suq tal-Milied f'Berlin, meta wara li t-terrorista kien attakka, skoprejna li kien uża 15-il identità differenti."

Aqra aktar dwar il-miżuri li qed jaħdem fuqhom il-Parlament Ewropew biex jiġġieled it-terroriżmu.