Finanzjament tat-terroriżmu: "Jekk inħarbtulhom il-loġistika, insolvu l-problema" 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Biex niġġieldu l-finanzjament tat-terroriżmu, qed niffukaw fuq il-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata. Ara l-proposti ta' Javier Nart f'din l-intervista.

Interview with Javier Nart  

Il-membru tal-Grupp ALDE Javier Nart jixtieq li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fl-UE tkunilhom aktar faċli jaqsmu intelligence dwar il-finanzjament. Il-Membri tal-PE approvaw ir-rapport tiegħu nhar il-Ħamis l-1 ta' Marzu.

 

Il-Membru Spanjol jispjega l-proposti tiegħu f'din l-intervista.

 

X'inhi l-enfasi prinċipali tar-rapport?

 

Kwalunkwe attività kriminali hija bbażata fuq il-loġistika. Mela, jekk inħarbtulhom il-loġistika, insolvu l-problema. Qed nipproponi l-mezzi biex niġġieldu kontra s-sostenn loġistiku tal-kriminalità ġiħadista.

 

L-ewwel approċċ jinvolvi l-prevenzjoni tal-kriminalità u l-protezzjoni tal-komunitajiet kollha. Il-komunitajiet li qed jiġu attakkati l-aktar huma l-komunitajiet Musulmani: l-għadd ta' Musulmani li qed imutu minħabba t-terroriżmu huwa 200 darba ogħla minn dak ta' persuni mhux Musulmani.

 

X'miżuri konkreti qed tipproponi?

 

L-ewwel nett: titjib fl-intelligence bil-ħolqien ta' pjattaforma li permezz tagħha s-servizzi tal-intelligence jkunu jistgħu jinteraġixxu regolarment u jaqsmu l-informazzjoni b'mod volontarju. Barra minn hekk, għandha tinħoloq database li permezz tagħha s-servizzi tal-intelligence jkunu jistgħu jaqsmu l-informazzjoni, fuq bażi volontarja wkoll.

 

It-tieni: importanti li ninvestigaw it-tranżazzjonijiet finanzjarji, filwaqt li nirrispettaw bis-sħiħ il-privatezza. Hemm bżonn nagħtu kas tal-bilanċ bejn il-libertà u s-sigurtà. Għalhekk, li se nippruvaw nagħmlu hu li nipprovdu l-mezzi għall-investigazzjoni ta' trasferimenti suspettużi mingħand persuni jew istituzzjonijiet suspettati.

Dawn il-miżuri kif jaħdmu eżatt?

 

Rigward mezzi tradizzjonali bħalma hija l-hawala [mod tradizzjonali ta' kif jiġu ttrasferiti l-flus fil-pajjiżi Għarab u tal-Asja t'Isfel] ikun ifisser li jkollok ktieb li jgħid min qed jagħtik il-flus u fejn qed jiġu ttrasferiti.

 

Minbarra trasferimenti ta' flus, irridu nħarsu lejn it-traffikar ta' deheb, ħaġar prezzjuż u opri tal-arti, għax jeżistu anke mezzi biex jinkisbu fondi għat-terroriżmu permezz tal-assi. F'dak li għandu x'jaqsam mad-deheb u l-ħaġar prezzjuż, bħalissa għandna liġijiet li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, u għalhekk hemm bżonn narmonizzaw. Quddiem azzjoni kriminali sovranazzjonali, ma nistgħux nirreaġixxu għat-terroriżmu mill-perspettiva ta' Stat Membru wieħed biss. Irid ikollna approċċ olistiku, koordinazzjoni u azzjoni armonizzata kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

 

Aqra aktar dwar il-miżuri li qed jaħdem fuqhom il-Parlament Ewropew biex jiġġieled it-terroriżmu.