Kif inwaqqfu t-terroriżmu: spjegazzjoni tal-miżuri tal-UE (infografika)  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Biex inwaqqfu t-terroriżmu jeħtiġilna nindirizzaw kwistjonijiet bħall-ġellieda barranin u il-kontrolli fuq il-fruntieri. Sir af aktar dwar il-politiki tal-UE kontra t-terroriżmu.

Is-sigurtà hija preokkupazzoni maġġuri għall-Ewropej: il-maġġoranza l-kbira (77%) iridu li l-UE tagħmel aktar biex tikkumbatti t-terroriżmu.

L-UE tieħu diversi miżuri maħsuba biex jipprevjenu attakki ġodda, fost l-oħrajn kontrolli aktar bir-reqqa fuq il-fruntieri tal-Ewropa, aktar kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fit-traċċar ta' persuni suspettati u fit-tiftix għal min ikun wettaq attakki terroristiċi, il-qtugħ tal-finanzjament tat-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-indirizzar tar-radikalizzazzjoni.

It-titjib tal-kontrolli fuq il-fruntieri tal-UE

Sabiex titħares is-sigurtà fi ħdan iż-żona Schengen, f'April 2017 iddaħħlu kontrolli sistematiċi fuq il-fruntieri esterni tal-UE fuq kull min jidħol fl-UE – inklużi ċittadini tal-UE.

Biex jirreġistraw il-movimenti ta' ċittadini mhux tal-UE fiż-żona Schengen u jħaffu l-kontrolli, fit-30 ta' Novembru 2017, il-Parlament u l-ministri tal-UE qablu fuq sistema ġdida għar-reġistrazzjoni tad-dħul u l-ħruġ.

Vjaġġaturi minn pajjiżi barra mill-UE li ma għandhomx bżonn viża biex jidħlu fl-UE se jiġu skrinjati permezz tas-sistema ETIAS(Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar), li mistennija tkun operattiva mill-2021.

Kontrolli temporanji fuq il-fruntieri

Biex it-terroristi jitwaqqfu milli jiċċirkolaw b'mod ħieles fl-UE, bosta pajjiżi introduċew kontrolli temporanji fuq il-fruntieri tagħhom. Il-Parlament iqis dawn il-kontrolli fuq il-fruntieri interni bħala mhux ġustifikati u bħala periklu għaż-żona Schengen u jrid jippermettihom biss bħala miżura tal-aħħar rimedju.

Sir af aktar fil-fajl tagħna dwar il-fruntieri ta' Schengen.

Nipproteġu l-fruntieri esterni

Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandu jkollha korp permanenti ta' 10 000 gwardja tal-kosta sal-2027 biex tipproteġi b'mod effikaċi il-fruntieri esterni tal-Ewropa li minnhom 13 000 km jinsabu fuq l-art u kważi 66 000 km jinsabu fuq il-baħar. Il-korp permanenti l-ġdid ikun jista', fuq talba ta' pajjiż tal-UE, jagħmel kontrolli fuq il-fruntieri u ġestjoni tal-migrazzjoni kif ukoll jiġġieled il-kriminalità transfruntiera.

Inwaqqfu l-ġellieda terroristiċi barranin

Sa mill-2015 kien hemm żieda fl-attakki terroristiċi ispirati mir-reliġjonijiet fl-UE u huwa maħsub li madwar 5 000 individwu mill-EU vvjaġġaw lejn żoni ta' kunflitt fis-Sirja u fl-Iraq biex jingħaqdu ma' gruppi terroristiċi ġiħadisti.

Sabiex jiġu kriminalizzati atti bħal taħriġ jew vjaġġar għal finijiet terroristiċi, kif ukoll l-organizzazzjoni jew faċilitazzjoni ta' vjaġġi ta' dan it-tip, l-Ewropa daħħlet fis-seħħ leġiżlazzjoni fl-UE kollha dwar it-terroriżmu li, flimkien ma' kontrolli ġodda fuq il-fruntieri esterni, se tgħin biex jiġi indirizzat il-fenomenu tal-ġellieda barranin.

L-għadd ta' ġellieda terroristiċi barranin naqas b'mod sinifikanti sa mill-2015. Skont il-Europol, hekk kif l-Istat Iżlamiku qed jiddgħajjef, qiegħed iħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu iwettqu attakki bħala atturi solitarji fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom minflok ma jivvjaġġaw lejn l-hekk imsejjaħ kalifat.

L-użu tad-data dwar il-passiġġieri tal-ajru

Il-kumpaniji tal-ajru li joperaw titjiriet minn u lejn l-UE għandhom l-obbligu li jippreżentaw lill-awtoritajiet nazzjonali id-data tal-passiġġieri tagħhom bħall-ismijiet, id-dati tal-ivvjaġġar, l-itinerarju u l-metodu ta' ħlas.

Din l-hekk imsejħa data tal-PNR tintuża għall-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u delitti serji. In-negozjati damu għaddejjin aktar minn ħames snin u l-Parlament insista fuq salvagwardji għad-data sensittiva (li tiżvela l-oriġini razzjali, ir-reliġjon, l-opinjoni politika, is-saħħa jew l-orjentazzjoni sesswali ta' persuna) u għall-protezzjoni tad-data.

Sir af aktar fil-fajl tagħna dwar il-PNR.

L-intensifikazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni

Il-kriminali u t-terroristi ta' sikwit jużaw identitajiet foloz multipli biex jevadu l-gwardji tal-fruntiera u l-pulizija. Dan jirrileva l-importanza ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni effikaċi bejn l-awtoritajiet rilevanti – tal-infurzar tal-liġi, ġudizzjarji, tal-intelligence – fl-Istati Membri.

Fl-2018 intlaħaq ftehim fuq regoli ġodda għat-tisħiħ tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen (SIS) li jintroduċu tipi ġodda ta' allertigħall-każijiet relatati ma' attivitajiet terroristiċi. Il-bażi ta' data tippermetti lill-pulizija u lill-gwardji tal-fruntiera jidħlu u jikkonsultaw allerti dwar persuni mfittxija jew nieqsa u dwar proprjetà mitlufa jew misruqa.


Biex jintużaw bażijiet ta' data eżistenti u futuri b'mod aktar intelliġenti u mmirat, is-sistemi ta' informazzjoni tal-UE li jgħinu fil-ġestjoni tal-fruntieri, is-sigurtà u l-migrazzjoni għandhom jippermettu l-iskambju tad-data. Din l-interoperabbiltà ġdida għandha ssir operattiva wara l-2023 u għandha tipprovdi interfaċċa unika għat-tfittxijiet, kif ukoll servizz ta' tqabbil bijometriku li jiffaċilita l-identifikazzjoni.

L-Europol, l-aġenzija tal-pulizija tal-UE, tappoġġa l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-pulizija. F'Mejju 2016, il-MPE qablu li jagħtu lill-Europol aktar setgħat biex tintensifika l-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif ukoll biex tistabbilixxi unitajiet speċjalizzati bħalma huwa ċ-ċentru Ewropew għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, li ġie mniedi fil-25 ta' Jannar 2016.


Il-qtugħ tal-finanzjament tat-terroriżmu

Miżura effikaċi biex jitwaqqfu t-terroristi hija li jinqatgħu s-sorsi ta' dħul tagħhom u titħarbtilhom il-loġistika. Sabiex jagħmel dan, fl-2018 il-Parlament Ewropew aġġorna d-direttiva kontra l-ħasil tal-flus. Din se żżid it-trasparenza dwar il-persuni li jaġixxu f'isem il-kumpaniji u tindirizza r-riskji marbuta mal-valuti virtwali u mal-kards anonimi bi ħlas antiċipat.

Il-ħasil tal-flus huwa reat kriminali fil-pajjiżi kollha tal-UE, iżda d-definizzjonijiet u s-sanzjonijiet ivarjaw. Ir-regoli l-ġodda li jindirizzaw il-finanzjament kriminali se jagħlqu dawk il-lakuni.

Huwa mifhum li l-attivitajiet kriminali fl-Ewropa jiġġeneraw madwar EUR 110 biljun kull sena. Madankollu huwa biss il-1.1 % tar-rikavati kriminali li jiġu effettivament konfiskati. F'Ottubru 2018 intlaħaq qbil fuq regoli ġodda li jiffaċilitaw l-iffriżar u l-ikkonfiskar tal-assi kriminali madwar l-UE.

Dawn ir-regoli kollha se japplikaw sa mill-2020.

Anqas aċċess għall-armi perikolużi

L-UE tagħmel kulma tista' biex tipprevjeni li armi perikolużi jiġu f'idejn il-persuni żbaljati.

Id-Direttiva riveduta dwar l-armi tan-nar tagħlaq il-lakuni legali li permezz tagħhom terroristi setgħu jagħmlu użu minn armi konvertiti, bħalma ġara fl-attakki tal-2015 f'Pariġi. Hija tirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jkollhom sistema tajba ta' monitoraġġ, filwaqt li żżomm eżenzjonijiet għall-kaċċaturi, il-mużewijiet u l-kolletturi.


Il-maġġoranza l-kbira tal-attakki terroristiċi fl-UE twettqu bl-użu ta' bombi magħmula d-dar. Se jkun aktar diffiċli għat-terroristi li jiksbu l-ingredjenti meħtieġa biex jibnu splussivi bis-saħħa ta' regoli aktar stretti li ntlaħaq qbil fuqhom mill-Parlament f'April 2019.

Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni

It-terroristi u l-estremisti jużaw l-internet biex ixerrdu l-propaganda u r-radikalizzazzjoni. Il-Parlament irid li kumpaniji bħal Facebook jew YouTube ikunu obbligati jneħħu kontenut terroristiku fi żmien siegħa minn meta jirċievu ordni mill-awtoritajiet rilevanti.

Sir af aktar dwar kif l-UE qed tagħti spinta liċ-ċibersigurtà

Ir-radikalizzazzjoni u l-ġlieda kontriha huwa wieħed mill-punti fokali tal-kumitat speċjali dwar it-terroriżmu, li kkonkluda l-ħidma ta' sena tiegħu f'Diċembru 2018. Il-Parlament jissuġġerixxi lista ta' sorveljanza fl-UE għall-predikaturi tal-mibegħda, peress li issa dawn jistgħu joperaw mingħajr ma jinqabdu jekk jimxu minn pajjiż Ewropew għal ieħor. Il-Membri jirrakkomandaw ukoll is-segregazzjoni tal-ħabsin radikalizzati fil-ħabsijiet kif ukoll taħriġ speċifiku dwar ir-radikalizzazzjoni għall-uffiċjali tal-UE u tal-Istati Membri.

Ħafna mill-attakki terroristiċi fl-Ewropa twettqu minn terroristi li trabbew fil-pajjiż stess, ċittadini Ewropej imwielda fl-UE li saru radikalizzati mingħajr ma qatt ħallew l-Ewropa. Il-Parlament ippropona miżuri biex jiġġieled ir-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu fil-ħabsijiet, online u permezz tal-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali sa mill-2015.

Il-valur miżud tal-UE

Il-livell tal-UE huwa l-forum ewlieni għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, minkejja li l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-iżgurar tas-sigurtà huma primarjament kompetenza nazzjonali.

L-MPE jiddeċiedu flimkien mal-ministri tal-UE dwar il-liġijiet tal-UE ewlenin kontra t-terroriżmu. Tradizzjonalment, il-Parlament jieħu ħsieb jipproteġi r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data, li huwa meħtieġ b'mod speċjali fil-kuntest ta' politika motivata minn kriżi u minn pressjoni għall-azzjoni.


Is-sigurtà fl-Ewropa hija prijorità konġunta għall-istituzzjonijiet tal-UE. L-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu hija bbażata fuq erba' elementi: prevenzjoni, protezzjoni, insegwiment, u rispons. L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà 2015-2020, għandha l-għan li tiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità. L-UE taħdem ukoll biex ittejjeb is-sigurtà esterna tagħha f'kooperazzjoni mal-pajjiżi barra mill-UE.