It-terroriżmu fl-UE: attakki terroristiċi, imwiet u arresti 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Fl-2018, l-attakki terroristiċi u l-vittmi tagħhom naqsu ħafna fl-UE: b'kollox mietu 13-il persuna; fl-2017 kienu mietu 62. Ara t-tabella biex tara xi nbidel mill-2014 'l hawn.

Agħti ħarsa lejn l-infografika tagħna biex tara kif evolvew l-attakki, l-imwiet u l-arresti mill-2014 'l hawn.  

L-għadd ta' vittmi tat-terroriżmu ġiħadista naqas, u l-awtoritajiet irnexxielhom iwaqqfu aktar attakki fl-2018, imma skont id-Direttur Eżekuttiv tal-Europol, Catherine De Bolle, it-theddidiet għas-sigurtà interna għadhom kbar.

"Għandna għadd żgħir ta' persuni rimpatrijati [minn żoni fejn hemm il-ġlied], imma t-tħassib għadu kbir", qalet De Bolle waqt il-preżentazzjoni tat-"Terrorism Situation and Trend Report 2019" quddiem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fl-4 ta' Settembru.

"Mijiet ta' ċittadini Ewropej, fosthom nisa u tfal, għadhom miżmuma fl-Iraq u s-Sirja. Għalkemm it-tfal huma essenzjalment vittmi, l-esponiment għall-indottrinazzjoni u t-taħriġ fiż-żoni fejn hemm il-ġlied jista' jkun ta' theddida għall-futur", żiedet tgħid De Bolle.

Għaldaqstant, fl-2018 it-terroriżmu kompla jkun theddida kbira għas-sigurtà fl-Istati Membri tal-UE. F'attakki tal-waħx imwettqa mill-ġiħadisti – bħal fi Trèbes, f'Pariġi, f'Liège u fi Strasburgu – inqatlu total ta' 13-il persuna u ndarbu ħafna aktar.


Inqas attakki terroristiċi u inqas vittmi

Skont ċifri tal-Europol, fl-2018 tilfu ħajjithom 13-il persuna f'24 attakk ġiħadista fl-UE, mentri fl-2017 kienu mietu 62 persuna fi 33 attakk terroristiku bi sfond reliġjuż.

Minn dawn l-24 attakk ġiħadista, 10 saru fi Franza, 4 fir-Renju Unit, 4 fin-Netherlands, 2 fil-Ġermanja u wieħed fi Spanja, l-Iżvezja, l-Italja u l-Belġju.

Is-sena l-oħra, total ta' 7 attakki – 3 fi Franza, 2 fin-Netherlands, wieħed fil-Belġju u wieħed fir-Renju Unit – ġew ikkunsidrati li "rnexxew", fis-sens li kienu laħqu l-mira tagħhom. L-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (IS) ħa r-responsabbiltà għal erbgħa minnhom. Din iċ-ċifra tfisser tnaqqis mill-2017, meta kienu 10 l-attakki ta' natura ġiħadista kkunsidrati li "rnexxew".


Attakki li fallew jew twaqqfu

Fl-2018, attakk ġiħadista wieħed fi Spanja ma rnexxiex u 16-il pjan terroristiku ġiħadista ieħor tħarbtu, apparagun ta' 12 u 11 fl-2017 rispettivament.

Fl-attakki ġiħadisti li rnexxew jew fallew, l-aktar li ntużaw kienu skieken u armi tan-nar, u l-biċċa l-kbira tal-attakki saru fil-konfront tal-popolazzjoni ċivili. Il-pjanijiet li kienu jinvolvu l-użu ta' xi splussiv tħarbtu kollha. Il-maġġoranza tal-attentaturi attakkaw jew kienu qed jippjanaw li jattakkaw għal rashom.

Fl-2018, total ta' 511-il individwu ġew arrestati fuq suspett ta' reati marbutin mat-terroriżmu ġiħadista. L-aktar li saru arresti kien fi Franza, ir-Renju Unit u l-Belġju, imbagħad fin-Netherlands, il-Ġermanja u l-Italja. Anke din iċ-ċifra hi aktar baxxa mis-sena ta' qabel, meta b'kollox ġew arrestati 705 persuni fi 18-il pajjiż tal-UE.


Aktar kooperazzjoni fl-UE

Skont De Bolle, il-fatt li l-pajjiżi tal-UE qed jikkooperaw aktar – billi jaqsmu l-informazzjoni – għen biex l-attakki jiġu evitati, jitwaqqfu jew jitnaqqas l-impatt tagħhom: "Konvinta li l-isforzi tal-korpi tal-infurzar tal-liġi, is-servizzi tas-sigurtà, l-awtoritajiet pubbliċi, il-kumpaniji privati u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra t-terroriżmu kkontribwew sostanzjalment għat-tnaqqis fil-vjolenza fl-Ewropa."

Hija kompliet tgħid li "quddiem iż-żieda qawwija fil-vjolenza terroristika fl-Ewropa mill-2014 'l hawn, l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet privati – li qabel kienu jaħdmu prinċipalment b'mod separat – ħolqu metodi ta' kooperazzjoni ġodda u kreattivi."


Ebda użu sistematiku tar-rotot migratorji min-naħa tat-terroristi

Hemm min esprima tħassib dwar ir-riskju li jistgħu jġibu magħhom il-migranti li jkunu qed jippruvaw jidħlu fl-Ewropa. Ir-rapport jirrikonoxxi li xi terroristi daħlu fl-UE bħala rifuġjati, imma jinsisti li dan mhux qed jiġri fuq bażi sistematika: "M'hemmx evidenza konkreta li t-terroristi jużaw il-flussi tar-rifuġjati sistematikament biex jidħlu fl-Ewropa bla ma jinduna bihom ħadd."