Ir-rifuġjati: il-Membri tal-PE jivvalutaw is-sitwazzjoni fil-post fit-Turkija

Gülhan kienet studenta tal-fiżika qabel ma l-gwerra ċivili fis-Sirja ħasdet darba għal dejjem il-futur promettenti tagħha. Illum għandha 32 sena u ġa ilha 4 snin tgħix fil-kamp tar-rifuġjati ta' Osmaniye fit-Turkija, ħajja li issa saret rutina għaliha u għat-tliet uliedha. Il-ġimgħa l-oħra żewġ delegazzjonijiet immexxija minn S. Guillaume u J. Arthuis żaru xi wħud minn dawk li ħajjithom inqalbet ta' taħt fuq bil-kunflitt fis-Sirja, wieħed mill-akbar diżastri umanitarji mit-Tieni Gwerra 'l hawn.

Carousel

L-istorja ta' Gülhan, Sirjana ta' dixxendenza Turkika, kienet waħda minn ħafna li semgħu l-membri tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili u l-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament meta żaru l-faċilitajiet tar-rifuġjati fit-Turkija bejn it-8 u l-11 ta' Frar. Wara kważi ħames snin ta' ġlied, aktar minn 250,000 Sirjan tilfu ħajjithom u Gülhan hija waħda biss minn aktar minn 11-il miljun persuna li sfaw spostati.


Peress li fit-Turkija biss hemm aktar minn 2.5 miljun rifuġjat Sirjan, fit-3 ta' Frar il-pajjiżi tal-UE laħqu ftehim dwar fond ta' €3 biljun biex il-pajjiż ikun jista' jlaħħaq ma' dan l-influss bla preċedent. Fl-aħħar ġimagħtejn il-pressjoni fuq it-Turkija kompliet tiżdied, hekk kif eluf ta' Sirjani ħarbu mill-vjolenza fl-inħawi ta' Aleppo u komplew jiffullaw il-fruntiera tan-Nofsinhar tal-pajjiż.


Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili


Kien f'dan il-kuntest li, il-ġimgħa li għaddiet, il-Membri tal-PE żaru l-faċilitajiet għar-rifuġjati fit-Turkija. Fid-9 ta' Frar, Delegazzjoni ta' seba' membri mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili mmexxija mill-Viċi President tal-Parlament Sylvie Guillaume, membru tal-Grupp S&D minn Franza, żaret il-kamp tar-rifuġjati ta' Nizip. Meta tkellmet fil-kamp, li jilqa' fih madwar 15,000 Sirjan u jinsab 45 kilometru mill-fruntiera mas-Sirja, Guillaume qalet li l-messaġġ tal-Parlament kien "wieħed ta' komprensjoni u rikonoxximent tal-isforzi li qed jagħmlu l-awtoritajiet Torok u l-komunitajiet lokali".


Il-Membri faħħru l-isforzi tat-Turkija biex ir-rifuġjati fil-kampijiet jingħataw kenn, ikel, kura tas-saħħa u edukazzjoni. Huma enfasizzaw, madankollu, li attwalment 10 % biss tar-rifuġjati Sirjani fit-Turkija jgħixu fil-kampijiet.


Wara ż-żjara f'Nizip, il-membri tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili żaru d-djar ta' familji li qed jibbenifikaw minn skema – iffinanzjata mill-UE – ta' vouchers elettroniċi għar-rifuġjati li ma jgħixux fil-kampijiet. F'diskors li tat f'Gaziantep, il-Viċi President Guillaume qalet: "Hemm differenza ċara bejn il-kundizzjonijiet ta' dawk li jgħixu fil-kampijiet tal-kontejners u dawk li ma jgħixux fil-kampijiet. Il-qagħda tar-rifuġjati li ma jgħixux fil-kampijiet hija prekarja ħafna u jeħtieġu għajnuna urġenti, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-edukazzjoni u l-opportunitajiet ta' xogħol." Huwa stmat li aktar minn nofs ir-rifuġjati Sirjani huma tfal, iżda huma miktubin fl-iskejjel 14% biss tat-tfal li ma jgħixux fil-kampijiet u li suppost jattendu l-iskola primarja.


Peress li llum it-Turkija tospita l-akbar popolazzjoni ta' rifuġjati fid-dinja, il-membri tad-delegazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili ltaqgħu ma' uffiċjali Torok u ma' rappreżentanti tal-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati f'Ankara biex ikollhom stampa ċara tal-kobor tal-kriżi. Huma żaru wkoll ċentru ta' reġistrazzjoni għal rifuġjati minn aktar minn 80 pajjiż.


Il-Kumitat għall-Baġits


Il-ġimgħa li għaddiet fit-Turkija kien hemm ukoll delegazzjoni ta' 11-il membru mill-Kumitat għall-Baġits, li żaru l-pajjiż biex jaraw kif il-fondi tal-UE b'appoġġ għar-rifuġjati qegħdin jintużaw fil-post. Meta kien qed jitkellem wara li ltaqa' ma' familja ta' rifuġjati Sirjani fil-kamp ta' Osmaniye fl-10 ta' Frar, il-President tal-Kumitat għall-Baġits Jean Arthuis, membru Franċiż tal-Grupp ALDE, qal: "Nista' nħoss kemm huma ħerqana li jmorru lura lejn pajjiżhom. Il-prijorità tagħna għandha tkun li terġa' tirrenja l-paċi fil-Lvant Nofsani, peress li l-paċi biss tista' ssolvi l-problema tal-migrazzjoni."


B'referenza għall-ftehim li nltaħaq dan l-aħħar dwar faċilità ta' appoġġ ta' €3 biljun għat-Turkija, Arthuis enfasizza l-urġenza dejjem akbar li l-fondi jintużaw mingħajr dewmien: "Għandna bżonn trasparenza u ċarezza min-naħa tat-Turkija. Hawnhekk għandna emerġenza reali u l-fiduċja hija indispensabbli jekk irridu nirrispondu malajr."


Fil-kamp ta' Osmaniye, il-membri kellhom l-opportunità jżuru supermarket u librerija ffinanzjati mill-UE. Fit-Turkija, id-delegazzjoni tal-Kumitat għall-Baġits iltaqgħet ukoll ma' rappreżentanti mill-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati, il-Programm Dinji tal-Ikel u l-UNICEF kif ukoll ma' uffiċjali tal-gvern Tork.


Appoġġ mill-UE 


L-UE hija l-akbar donatur fir-risposta internazzjonali għall-kunflitt Sirjan, u l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha taw aktar minn €5 biljun f'għajnuna umanitarja u ekonomika u f'termini ta' assistenza għall-iżvilupp. Huwa ttamat li l-fond il-ġdid tal-UE ta' €3 biljun, li ġie diskuss mill-Membri tal-PE fi Strasburgu fit-2 ta' Frar, se jgħin lit-Turkija tkompli tindirizza l-ħtiġijiet tar-rifuġjati u tal-komunitajiet li qed jilqgħuhom.


Minbarra li qed tilqa' lir-rifuġjati, f'dawn l-aħħar snin it-Turkija saret ukoll rotta ta' tranżitu. Sal-aħħar tal-2015 kienu waslu l-Ewropa bil-baħar aktar minn miljun persuna, 49% minnhom Sirjani. Il-maġġoranza l-kbira telqu mit-Turkija, u fil-gżira ta' Lesbos biss waslu aktar minn nofs miljun persuna.


Sadattant l-influss m'hu juri l-ebda sinjal li jbatti. Skont l-aħħar ċifri tal-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati, matul l-ewwel sitt ġimgħat tal-2016 waslu l-Ewropa bil-baħar aktar minn 80,000 ruħ bejn rifuġjati u migranti. Dan huwa aktar mill-ammont ta' persuni li waslu matul l-ewwel erba' xhur tal-2015. Barra minn hekk, din is-sena diġà tilfu ħajjithom aktar minn 400 persuna huma u jippruvaw jaqsmu lejn l-Ewropa.

 

Ikklikkja l-links fuq il-lemin biex issir taf aktar dwar ir-risposta tal-UE għall-kunflitt fis-Sirja u għall-kriżi tar-rifuġjatikif ukoll biex issir taf aktar dwar iż-żjarat tal-Membri tal-PE fit-Turkija.

2.5 miljuni

l-għadd ta' rifuġjati reġistrati fit-Turkija
Waqt żjara fil-kampijiet tar-refuġjati fit-Turkija, il-MPE Jean Arthuis iwieġeb il-mistoqsijiet tagħkom minn Facebook dwar is-sitwazzjoni tal-immigranti u x'azzjoni qed tieħu l-UE.
Waqt żjara fil-kampijiet tar-refuġjati fit-Turkija, il-MPE Sylvie Guillaume twieġeb il-mistoqsijiet tagħkom minn Facebook dwar is-sitwazzjoni tal-immigranti u x'azzjoni qed tieħu l-UE.