Kif inwaqqfu t-terroriżmu: il-miżuri tal-UE mfissra

Biex inwaqqfu t-terroriżmu għandna bżonn nindirizzaw problemi bħal ġellieda barranin, kontrolli fuq il-fruntieri u t-tnaqqis tal-fondi. Sir af aktar dwar il-politiki tal-UE.

L-UE tieħu diversi miżuri maħsuba biex jipprevjenu attakki ġodda, fost l-oħrajn kontrolli aktar bir-reqqa fuq il-fruntieri tal-Ewropa, aktar kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fit-traċċar ta' persuni suspettati u fit-tiftix għal min ikun wettaq attakki terroristiċi, qtugħ tal-finanzjament tat-terroriżmu u l-indirizzar tal-kriminalità organizzata u tar-radikalizzazzjoni.

 

Tgħallem aktar dwar l-attakki terroristiċi, l-imwiet u l-arresti fl-UE fl-2019

 

X'inhi d-definizzjoni tal-UE ta' terroriżmu?

 

Skont id-definizzjoni legali komuni tal-UE ta' reati terroristiċi stabbilita fid-direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, dawn huma atti mwettqa b'wieħed minn dawn l-għanijiet:

 

  • intimidazzjoni serja tal-popolazzjoni, jew
  • ġegħil mhux xieraq lil gvern jew organizzazzjoni internazzjonali biex iwettqu jew jibqgħu lura milli jwettqu kwalunkwe att, jew
  • destabbilizzazzjoni serja jew qerda tal-istrutturi politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta' pajjiż jew ta' organizzazzjoni internazzjonali.

It-titjib tal-kontrolli fuq il-fruntieri tal-UE

 

Sabiex titħares is-sigurtà fi ħdan iż-żona Schengen, f'April 2017 iddaħħlu kontrolli sistematiċi fuq il-fruntieri esterni fuq kull min jidħol fl-UE – inklużi ċ-ċittadini tal-UE.

 

Biex jiġu rreġistrati l-movimenti taċ-ċittadini mhux tal-UE fiż-żona Schengen u jitħaffu l-kontrolli, f'Novembru 2017, il-Parlament u l-ministri tal-UE qablu fuq sistema ġdida għar-reġistrazzjoni tad-dħul u l-ħruġ li kellha tkun operattiva mill-2022. Barra minn hekk, il-vjaġġaturi minn pajjiżi mhux tal-UE li ma jkollhomx bżonn viża biex jidħlu fl-UE, se jiġu skrinjati permezz tas-sistema Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), li għandha tkun operattiva mill-2021.

10,000 uffiċjal għall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

Kontrolli temporanji fuq il-fruntieri

 

Biex it-terroristi jitwaqqfu milli jiċċirkolaw b'mod ħieles fl-UE, bosta pajjiżi introduċew kontrolli temporanji fuq il-fruntieri tagħhom. Il-Parlament iqis dawn il-kontrolli fuq il-fruntieri interni bħala mhux ġustifikati u periklu għaż-żona Schengen u jrid jippermettihom biss bħala miżura tal-aħħar rimedju.

 

Tgħallem aktar fil-file tagħna dwar il-fruntieri ta' Schengen

Nipproteġu l-fruntieri esterni

 

Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandu jkollha korp permanenti ta' 10 000 gwardja tal-fruntiera sal-2027 biex tipproteġi b'mod effikaċi il-fruntieri esterni tal-Ewropa li minnhom 13 000 km jinsabu fuq l-art u kważi 66 000 km jinsabu fuq il-baħar. Il-korp permanenti l-ġdid ikun jista', fuq talba ta' pajjiż tal-UE, jwettaq kontrolli fuq il-fruntieri u ġestjoni tal-migrazzjoni kif ukoll jiġġieled il-kriminalità transfruntiera.

Inwaqqfu l-ġellieda terroristiċi barranin

 

Mill-2015, kien hemm żieda fit-terroriżmu ispirat mir-reliġjon fl-UE. Sal-2017 kien hemm madwar 5 000 individwu mill-UE maħsuba li vvjaġġaw lejn żoni ta' kunflitt fis-Sirja u l-Iraq biex jingħaqdu ma' gruppi terroristiċi ġiħadisti iżda n-numru naqas b'mod sinifikanti minn dak iż-żmien 'l hawn.

 

Fl-2019, ftit minn dawk il-ġellieda barranin ġew irrappurtati li rritornaw, madankollu għad hemm mijiet ta' ċittadini Ewropej b'rabtiet mal-Istat Iżlamiku fl-Iraq u fis-Sirja.

 

Sabiex jiġu kriminalizzati atti bħal taħriġ jew vjaġġar għal finijiet terroristiċi, kif ukoll l-organizzazzjoni jew faċilitazzjoni ta' vjaġġi ta' dan it-tip, l-Ewropa daħħlet fis-seħħ leġiżlazzjoni fl-UE kollha dwar it-terroriżmu li, flimkien ma' kontrolli ġodda fuq il-fruntieri esterni, se tgħin biex jiġi indirizzat il-fenomenu tal-ġellieda barranin.

L-użu tad-data dwar il-passiġġieri tal-ajru

 

Il-kumpaniji tal-ajru li joperaw titjiriet minn u lejn l-UE għandhom l-obbligu li jippreżentaw lill-awtoritajiet nazzjonali d-data tal-passiġġieri tagħhom bħall-ismijiet, id-dati tal-ivvjaġġar, l-itinerarju u l-metodu ta' ħlas.

 

Din l-hekk imsejħa data tal-PNR tintuża għall-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u delitti serji. In-negozjati damu għaddejjin aktar minn ħames snin u l-Parlament insista fuq salvagwardji għad-data sensittiva (li tiżvela l-oriġini razzjali, ir-reliġjon, l-opinjoni politika, is-saħħa jew l-orjentazzjoni sesswali ta' persuna) u għall-protezzjoni tad-data.

Tgħallem aktar fil-file tagħna dwar il-PNR

L-intensifikazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni

 

Il-kriminali u t-terroristi ta' sikwit jużaw identitajiet foloz multipli biex jevadu l-gwardji tal-fruntiera u l-pulizija. Dan jenfasizza l-importanza tal-kondiviżjoni effettiva tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti – eż. dawk tal-infurzar tal-liġi, ġudizzjarji, tal-intelligence – fl-Istati Membri.

 

Fl-2018 intlaħaq qbil dwar regoli ġodda biex tissaħħaħ is-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen (SIS), u ġew introdotti tipi ġodda ta' allerti għal każijiet relatati ma' attivitajiet terroristiċi. Il-bażi ta' data tippermetti lill-pulizija u lill-gwardji tal-fruntiera jidħlu u jikkonsultaw allerti dwar persuni mfittxija jew nieqsa u dwar proprjetà mitlufa jew misruqa.

 

Biex jintużaw bażijiet ta' data eżistenti u futuri b'mod aktar intelliġenti u mmirat, is-sistemi ta' informazzjoni tal-UE li jgħinu fil-ġestjoni tal-fruntieri, is-sigurtà u l-migrazzjoni għandhom jippermettu l-iskambju tad-data. Din l-interoperabbiltà ġdida għandha ssir operattiva wara l-2023 u għandha tipprovdi interfaċċa unika għat-tfittxijiet, kif ukoll servizz ta' tqabbil bijometriku li jiffaċilita l-identifikazzjoni.

 

L-Europol, l-aġenzija tal-pulizija tal-UE, tappoġġa l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-pulizija. F'Mejju 2016, il-Membri tal-PE qablu li jagħtu lill-Europol aktar setgħat biex tintensifika l-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif ukoll biex tistabbilixxi unitajiet speċjalizzati bħalma huwa ċ-ċentru Ewropew għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, li ġie mniedi fil-25 ta' Jannar 2016.

Il-qtugħ tal-finanzjament tat-terroriżmu

 

Miżura effikaċi biex jitwaqqfu t-terroristi hija li jinqatgħu s-sorsi ta' dħul tagħhom u titħarbtilhom il-loġistika. Sabiex jagħmel dan, fl-2018 il-Parlament Ewropew aġġorna d-direttiva kontra l-ħasil tal-flus. Din se żżid it-trasparenza dwar il-persuni li jaġixxu f'isem il-kumpaniji u tindirizza r-riskji marbuta mal-valuti virtwali u mal-kards anonimi bi ħlas antiċipat.

 

Il-ħasil tal-flus huwa reat kriminali fil-pajjiżi kollha tal-UE, iżda d-definizzjonijiet u s-sanzjonijiet ivarjaw. Ir-regoli l-ġodda biex jiġi indirizzat il-finanzjament kriminali se jagħlqu dawk il-lakuni.

 

Huwa mifhum li l-attivitajiet kriminali fl-Ewropa jiġġeneraw madwar EUR 110 biljun kull sena. Madankollu, effettivament jiġi konfiskat biss 1,1 % tar-rikavat tal-kriminalità. F'Ottubru 2018 intlaħaq qbil dwar regoli ġodda li jiffaċilitaw l-iffriżar u l-konfiska tal-assi kriminali madwar l-UE.

 

Dawn ir-regoli kollha se japplikaw sa mill-2020.

Anqas aċċess għall-armi perikolużi

 

L-UE tagħmel kulma tista' biex tipprevjeni li armi perikolużi jiġu f'idejn il-persuni żbaljati.

 

Id-Direttiva riveduta dwar l-armi tan-nar tagħlaq il-lakuni legali li permezz tagħhom terroristi setgħu jagħmlu użu minn armi konvertiti, bħalma ġara fl-attakki tal-2015 f'Pariġi. Hija tirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jkollhom sistema tajba ta' monitoraġġ, filwaqt li żżomm eżenzjonijiet għall-kaċċaturi, il-mużewijiet u l-kolletturi.

 

Il-maġġoranza l-kbira tal-attakki terroristiċi fl-UE twettqu bl-użu ta' bombi magħmula d-dar. Se jkun aktar diffiċli għat-terroristi li jiksbu l-ingredjenti meħtieġa biex jibnu l-isplussivi bis-saħħa ta' regoli aktar stretti li ntlaħaq qbil fuqhom mill-Parlament f'April 2019.

Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni

 

It-terroristi u l-estremisti jużaw l-internet biex ixerrdu l-propaganda u r-radikalizzazzjoni. Il-Parlament irid li kumpaniji bħal Facebook jew YouTube ikunu obbligati jneħħu kontenut terroristiku fi żmien siegħa minn meta jirċievu ordni mill-awtoritajiet rilevanti.

 

Tgħallem aktar dwar kif l-UE qed tagħti spinta liċ-ċibersigurtà

Ir-radikalizzazzjoni u l-ġlieda kontriha huwa wieħed mill-punti fokali tal-kumitat speċjali dwar it-terroriżmu, li kkonkluda l-ħidma ta' sena tiegħu f'Diċembru 2018. Il-Parlament jissuġġerixxi lista ta' sorveljanza fl-UE għall-predikaturi tal-mibegħda, peress li issa dawn jistgħu joperaw mingħajr ma jinqabdu jekk jimxu minn pajjiż Ewropew għal ieħor. Il-Membri jirrakkomandaw ukoll is-segregazzjoni tal-ħabsin radikalizzati fil-ħabsijiet kif ukoll taħriġ speċifiku dwar ir-radikalizzazzjoni għall-uffiċjali tal-UE u tal-Istati Membri.

 

Ħafna mill-attakki terroristiċi fl-Ewropa twettqu minn terroristi li trabbew fil-pajjiż stess, ċittadini Ewropej imwielda fl-UE li saru radikalizzati mingħajr ma qatt ħallew l-Ewropa. Il-Parlament ippropona miżuri biex jiġġieled ir-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu fil-ħabsijiet, online u permezz tal-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali sa mill-2015.

 

Il-valur miżud tal-UE

 

Il-livell tal-UE huwa l-forum ewlieni għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, minkejja li l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-iżgurar tas-sigurtà huma primarjament kompetenza nazzjonali.

 

Il-Membri tal-PE jiddeċiedu flimkien mal-ministri tal-UE dwar il-liġijiet tal-UE ewlenin kontra t-terroriżmu. Tradizzjonalment, il-Parlament jieħu ħsieb jipproteġi r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data, li huwa meħtieġ b'mod speċjali fil-kuntest ta' politika motivata minn kriżi u minn pressjoni għall-azzjoni.

 

Is-sigurtà fl-Ewropa hija prijorità konġunta għall-istituzzjonijiet tal-UE. L-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu hija bbażata fuq erba' elementi: prevenzjoni, protezzjoni, insegwiment, u rispons. L-istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, għandha l-għan li tiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fi tliet oqsma ta' prijorità: il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni. L-UE taħdem ukoll biex issaħħaħ is-sigurtà esterna tagħha f'kooperazzjoni ma' pajjiżi mhux tal-UE.

 

Tgħallem aktar dwar it-terroriżmu ġiħadista fl-UE