It-terroriżmu fl-UE: attakki terroristiċi, imwiet u arresti fl-2019 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

In-numru ta' attakki terroristiċi u ta' vittmi tat-terroriżmu fl-Unjoni Ewropea kompla jonqos fl-2019. Ikkonsulta l-graff tagħna biex tara l-evoluzzjoni tat-terroriżmu ġiħadista mill-2014.

It-terroriżmu ġiħadista fl-UE mill-2014: attakki, imwiet, arresti (data tal-Europol)  

Kien hemm 119-il attentat ta' terroriżmu fl-Ewropa fl-2019 meta jiġu kkunsidrati dawk li rnexxew u dawk li fallew u jew li ġew sfrattati. Minn dawn, 21 attentat huma attribwiti għat-terroriżmu ġiħadista. Għalkemm jirrappreżentaw biss wieħed minn kull sitt attakki fl-UE, it-terroristi ġiħadisti kienu responsabbli għall-imwiet kollha, li ammontaw għal 10, u għal 26 persuna midruba minn total ta' 27.


Madwar nofs l-attakki terroristiċi fl-UE huma etnonazzjonalisti u separatisti (57 fl-2019, kollha kemm huma ħlief attakk wieħed fl-Irlanda ta' Fuq) u l-kategoriji prinċipali l-oħra ta' terroristi huma tal-lemin estrem (6) u tax-xellug estrem (26).

In-numru ta' vittmi tat-terroriżmu ġiħadista kompla jonqos minn meta laħaq l-ogħla livell tiegħu fl-2015, u fl-2019 in-numru ta' attakki li ġew sfrattati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri kien id-doppju tan-numru ta' attentati li rnexxew jew li fallew. Madankollu, skont Manuel Navarrete, il-kap taċ-Ċentru għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu tal-Europol, il-livell tat-theddida għadu relattivament għoli.


Navarrete ppreżenta r-rapport annwali tal-Europol dwar it-tendenzi terroristiċi lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili fit-23 ta' Ġunju u rrimarka li kemm fl-ambjent tal-lemin kif ukoll fl-ambjent ġiħadista hemm l-istess xejra ta' komunitajiet online li jistigaw il-vjolenza: "għall-ġiħadisti, it-terroristi huma martri tal-gwerra sagra, għall-estremisti tal-lemin, dawn huma l-qaddisin ta' gwerra razzjali.”


Inqas attakki terroristiċi u vittmi tat-terroriżmu

Is-sena li għaddiet fl-UE 10 persuna tilfu ħajjithom f'3 attakki ġiħadista mwettqa f'Utrecht, f'Pariġi u f'Londra, meta mqabbla ma' 13-il persuna mejta f'7 attakki fl-2018.


Fl-2019 kien hemm attentati fi tmien Stati Membri tal-UE.


L-attakki li ġew sfrattati huma d-doppju ta' dawk imwettqa jew li fallew.

Fl-2019, erba' attakki ġiħadisti fallew filwaqt li 14-il inċident ġew sfrattati, meta mqabbla ma' attakk wieħed li falla u 16-il inċident sfrattat fl-2018. F'dawn is-sentejn, in-numru ta' pjanijiet sfrattati mill-awtoritajiet huwa d-doppju tan-numru ta' attakki li rnexxew jew li fallew. L-attakki ispirati mill-ġiħadisti fil-biċċa l-kbira jkollhom fil-mira postijiet pubbliċi u pulizija jew uffiċjali militari.

L-attakki ġiħadisti li rnexxew u fallew fil-biċċa l-kbira wettqu permezz ta' skieken u armi tan-nar. Il-pjanijiet kollha li kienu jinvolvu l-użu ta' xi splussiv tħarbtu kollha. Il-maġġoranza tal-awturi kienu qed jaġixxu weħedhom jew kienu qed jippjanaw li jaġixxu weħedhom.


Fl-2019, 436 individwu ġew arrestati għax kienu suspettati b'reati marbuta mat-terroriżmu ġiħadista. L-arresti seħħew f'15-il pajjiż. Bla dubju, l-aktar arresti ġew irreġistrati fi Franza (202), segwita minn Spanja, l-Awstrija u l-Ġermanja (bejn 32 u 56) u mbagħad l-Italja, id-Danimarka u l-Olanda (bejn 18 u 27). Din iċ-ċifra hija wkoll inqas mis-sena preċedenti meta total ta' 511-il persuna ġew arrestati.


It-theddida ta' priġunieri radikalizzati


Individwi inkarċerati għal reati terroristiċi u dawk li ġew radikalizzati fil-ħabs jirrapreżentaw theddida. Navarrete wissa li dalwaqt se jiġu rilaxxati numru ta' priġunieri radikalizzati f'ħafna pajjiżi Ewropej, u dan jista' jżid it-theddida għas-sigurtà. Fl-2019 attakk wieħed li falla, wieħed li ġie sfrattat u wieħed li rnexxa twettqu minn priġunieri radikalizzati.

Il-kooperazzjoni fl-UE


Skont il-kap taċ-Ċentru għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu tal-Europol, il-kooperazzjoni msaħħa bejn il-pajjiżi tal-UE u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni għenu biex jiġu evitati attakki jew biex jitnaqqas l-impatt tagħhom. "Minħabba l-iskambju ta' informazzjoni, bis-saħħa tal-konnessjonijiet li għandna, l-Istati Membri jirnexxilhom jaslu kmieni fix-xena biex jidentifikaw ir-riskji. Għalija huwa sinjal tajjeb li żewġ terzi tal-attakki ġew identifikati u sfrattati bis-saħħa tal-kooperazzjoni li hemm fis-seħħ.”


Ikkonsulta l-miżuri tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu


Ebda użu sistematiku tar-rotot migratorji min-naħa tat-terroristi


Hemm min esprima tħassib dwar ir-riskju li jistgħu jġibu magħhom il-migranti li jkunu qed jippruvaw jidħlu fl-Ewropa. Ir-rapport tal-Europol itenni li bħas-snin preċedenti ma hemm l-ebda sinjal ta' użu sistematiku tal-migrazzjoni irregolari minn organizzazzjonijiet terroristiċi. Fil-fatt, f'aktar minn 70 % tal-arresti relatati mat-terroriżmu ġiħadista, fejn l-Europol ġiet informata biċ-ċittadinanza tagħhom, l-individwi kienu ċittadini tal-pajjiż tal-UE inkwistjoni.