Kontenut terroristiku fuq l-internet: l-MEPs iriduh jitneħħa fi żmien siegħa  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-kontenut terroristiku għandu jitneħħa minn fuq l-internet fi żmien siegħa. Ritratt ta' Grzegorz Walczak fuq Unsplash  

L-MEPs dalwaqt jistgħu jkunu qed jibdew negozjati mal-pajjiżi tal-UE dwar regoli li jġiegħlu lill-kumpaniji tal-internet ineħħu kontenut terroristiku fi żmien siegħa mindu jiġu infurmati.

Fl-24 ta' Settembru, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament esprima l-appoġġ tiegħu għall-pożizzjoni maqbula mill-Parlament qabel l-elezzjonijiet Ewropej ta' Mejju dwar regoli ġodda tal-UE biex jiġi indirizzat it-tixrid ta' kontenut li jippromwovi t-terroriżmu fuq l-internet u approva l-mandat biex jinbdew diskussjonijiet mal-ministri tal-UE.



Il-prijoritajiet tal-Parlament

F'pass maħsub biex tiġi miġġielda r-radikalizzazzjoni online, il-Parlament irid li l-kumpaniji tal-internet ineħħu kontenut li jippromwovi t-terroriżmu fi żmien siegħa minn meta jirċievu ordni mill-awtoritajiet nazzjonali. Huwa kruċjali li dan il-kontenut jitneħħa fi żmien ftit sigħat mindu jiġi ppubblikat minħabba l-pass mgħaġġel li jinfirex bih. Il-kumpaniji li jonqsu sistematikament u kontinwament milli jobdu l-liġi jistgħu jingħataw multa ta' massimu ta' 4% tal-fatturat globali tagħhom.

Filwaqt li l-MEPs jixtiequ jagħtu spinta lis-sigurtà pubblika, iridu wkoll jipproteġu l-libertà tal-kelma u l-libertà tal-istampa. L-MEPs għamluha ċara li l-espressjoni ta' fehmiet polemiċi jew kontroversjali dwar kwistjonijiet politiċi sensittivi m'għandhiex titqies bħala kontenut terroristiku. Jenfasizzaw ukoll li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi faċli għall-ilmenti u jiżguraw li l-ilmenti jiġu ttrattati malajr u bi trasparenza sħiħa.


L-MEPs jinsistu wkoll li l-kumpaniji tal-internet li joffru hosting għall-kontenut imtella' mill-utenti, bħal Facebook jew YouTube, m'għandhomx ikunu obbligati jidentifikaw kontenut terroristiku b'mod proattiv, xi ħaġa li dawn il-pjattaformi jgħidu li jkun ta' piż kbir għalihom. Il-monitoraġġ tal-informazzjoni jew it-tfittxija attiva ta' fatti li jindikaw attività illegali għandhom ikunu responsabbiltà tal-awtorità nazzjonali kompetenti.

Il-Parlament jemmen ukoll li m'għandu jkun hemm l-ebda użu obbligatorju ta' filtri u lanqas għodod awtomatizzati, għax dan jista' jwassal għal ineżattezzi u sitwazzjonijiet fejn kontenut innoċenti jiġi mmarkat bħala "terroristiku".



Kif taħdem?

Il-pajjiżi tal-UE jkunu jridu jinnominaw awtorità kompetenti u jikkomunikaw l-għażla tagħhom lill-Kummissjoni Ewropea, li mbagħad tkun trid tippubblika lista bil-korpi rilevanti kollha.

Meta l-awtoritajiet nazzjonali jimmarkaw kontenut terroristiku, tintbagħat ordni ta' tneħħija lill-pjattaformi tal-internet, li jkollhom siegħa biex iħassruha jew jiddiżattivaw l-aċċess għaliha fl-Istati Membri kollha tal-UE.

Bħala għajnuna għal pjattaformi iżgħar, l-MEPs qed jipproponu speċi ta' avviż minn qabel: il-kumpaniji li qatt ma jkunu rċevew ordni ta' tneħħija jiġu kkuntattjati 12-il siegħa qabel ma toħroġ l-ewwel ordni u jingħataw informazzjoni dwar il-proċeduri u l-iskadenzi mill-awtorità kompetenti.



Sfond

Il-proposta għal dan ir-Regolament tressqet għall-ewwel darba mill-Kummissjoni Ewropea f'Settembru 2018, wara appell mill-mexxejja tal-UE f'Ġunju. Il-Kunsill wasal għal qbil politiku dwar din il-kwistjoni f'Diċembru 2018. F'April 2019, l-MEPs esprimew l-appoġġ tagħhom għall-abbozz tar-regolament.



Il-passi li jmiss

Id-deċiżjoni tal-kumitat biex jinbdew negozjati mal-Kunsill tal-UE se titħabbar fis-sessjoni plenarja li jmiss. Jekk ma jkun hemm l-ebda talba għal vot fil-Parlament, il-mandat ikun meqjus ikkonfermat u n-negozjati jkunu jistgħu jibdew fi kwalunkwe mument, x'aktarx f'Ottubru.