COVID-19: Nerġgħu niftħu l-fruntieri tax-Schengen – x'tista' tagħmel l-UE? 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-pajjiżi tal-UE qed jillaxkaw il-kontrolli fil-fruntieri. Il-Parlament irid li jsir sforz koordinat biex iż-żona Schengen terġa' tibda tiffunzjona malajr kemm jista' jkun.

©REUTERS/NACHO DOCE/AdobeStock  

Il-moviment liberu fl-UE qed jerġa' jibda hekk kif ir-restrizzjonijiet introdotti biex titwaqqaf il-firxa tal-coronavirus qed jitneħħew. Is-sitwazzjoni epidemjoloġika qed titjieb u, issa li qed joqorbu l-vaganzi tas-sajf, il-pajjiżi qegħdin jerġgħu jippermettu l-ivvjaġġar bil-mod il-mod. L-MEPs qed jitolbu li ż-żona Schengen, fejn l-użu tal-passaport mhuwiex obbligatorju, terġa' tibda tiffunzjona bis-sħiħ mill-aktar fis possibbli, anke għaliex il-moviment liberu tal-persuni, il-merkanzija u s-servizzi jista' jkun dak li jirfed l-irkupru ekonomiku wara l-pandemija.

Fid-19 ta' Ġunju l-plenarja adottat riżoluzzjoni li tesprimi tħassib dwar il-kontrolli li għad fadal fil-fruntieri interni. L-MEPs jgħidu wkoll li l-ftuħ tal-fruntieri jrid jirrispetta l-prinċipju li jgħid li m'għandhiex issir diskriminazzjoni.

Ix-Schengen fil-lockdown

"L-Istati Membri kienu qed jaqdfu għal rashom u issa wasal iż-żmien li l-UE tintervjeni qabel ma jkun tard wisq u tkun saret ħsara irreparabbli lix-Schengen," tinsisti Tanja Fajon, il-President tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kumitat LIBE dwar l-iskrutinju taż-żona Schengen. "Il-Kummissjoni għandha tieħu rwol ċentrali biex jerġa' jiġi stabbilit il-moviment liberu, l-ewwel nett għal kategoriji kruċjali bħall-ħaddiema li jaqsmu l-fruntieri. Għalhekk, il-koordinazzjoni fil-livell Ewropew hija essenzjali."

Skont ir-regoli attwali tax-Schengen, l-Istati Membri jistgħu – għal żmien limitat – jintroduċu kontrolli fil-fruntieri interni jekk ikun hemm theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna. Huma jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament dwar tali għeluq. Bħalissa l-Kummissjoni qed iżżomm lista ġenerali tal-miżuri restrittivi meħuda minn kull pajjiż individwali b'rabta mal-COVID-19.

Kif nerġgħu niftħu l-fruntieri – Gwida mill-UE

F'pakkett ta' proposti biex l-ivvjaġġar fl-UE jerġa' jibda bla periklu, fit-13 ta' Mejju l-Kummissjoni Ewropea pproponiet li l-Istati Membri tal-UE u taż-żona Schengen jerġgħu jiftħu l-fruntieri interni tagħhom bil-mod il-mod. L-enfasi hi fuq il-koordinazzjoni, ir-rifjut ta' kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità u r-rispett ta' kriterji komuni bbażati fuq linji gwida miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.

Fil-5 ta' Ġunju, il-ministri tal-intern tal-UE kkonfermaw li, sal-15 ta' Ġunju, il-maġġoranza tal-Istati Membri se jkunu neħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom u r-restrizzjonijiet relatati fuq l-ivvjaġġar; oħrajn kellhom isegwu sal-aħħar tax-xahar. Il-ministri qablu li jkomplu jikkoordinaw mill-qrib taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni. Qabel il-15 ta' Ġunju, il-Kummissjoni ħarġet aktar rakkomandazzjonijiet dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet ma' pajjiżi terzi wara l-1 ta' Lulju 2020.

Idħol fuq re-open.eu biex tara x'inhuma l-kundizzjonijiet tal-ivvjaġġar u l-miżuri ta' sikurezza applikabbli bħalissa għal kull pajjiż tal-UE.

Minn meta faqqgħet il-pandemija, il-Kummissjoni Ewropea bdiet tipproponi linji gwida komuni biex tiżgura li l-ħaddiema f'setturi kritiċi kif ukoll il-provvista ta' oġġetti u servizzi fis-suq uniku jkunu garantiti. Il-Kummissjoni ffaċilitat ukoll ir-rimpatriju ta' kważi sitt mitt elf Ewropew li nqabdu barra minn pajjiżhom u pproponiet restrizzjoni fuq id-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-UE, li ġiet estiża sal-aħħar ta' Ġunju.

Skopri aktar dwar x'qed tagħmel l-UE fil-ġlieda kontra l-coronavirus

Agħti ħarsa lejn il-kronoloġija tal-azzjoni tal-UE kontra l-COVID-19

Il-pożizzjoni tal-Parlament

L-MEPs qed jagħmlu pressjoni biex jerġa' jiġi stabbilit il-moviment liberu mingħajr fruntieri għall-persuni, il-ħaddiema, il-prodotti u s-servizzi fiż-żona Schengen. Huma jridu kooperazzjoni aktar b'saħħitha fl-UE biex ikun hemm garanzija li ma ssir diskriminazzjoni kontra l-ebda ċittadin tal-UE.

F'dibattitu dwar l-istat taż-żona Schengen fil-Kumitat LIBE fil-12 ta' Mejju, Tanja Fajon (S&D, is-Slovenja) fakkret fl-għeluq introdott f'nofs il-kriżi tal-migrazzjoni fl-2015. Xi pajjiżi żammew dawk il-kontrolli għal snin sħaħ, xi ħaġa li l-Parlament qal li mhix ġustifikata. "Jekk ma jirnexxilniex nerġgħu nistabbilixxu l-integrità taż-żona Schengen, inkunu qed nipperikolaw serjament il-proġett Ewropew", qalet Fajon. Għaldaqstant, l-MEPs iridu li kwalunkwe kontroll fil-fruntieri interni fil-futur ikun tassew l-eċċezzjoni u jibqa' jkun għal żmien limitat ħafna.

Aqra aktar dwar kif il-Parlament qed isaħħaħ is-sistema Schengen u jtejjeb is-sigurtà fil-fruntieri.

Iż-żona Schengen 
  • Iż-żona Schengen tikkonsisti f'26 pajjiż 
  • 22 Stat Membru tal-UE (Belġju, Ċekja, Danimarka, Ġermanja, Estonja, Greċja, Spanja, Franza, Italja, Latvja, Litwanja, Lussemburgu, Ungerija, Malta, Netherlands, Awstrija, Polonja, Portugall, Slovakkja, Slovenja, Finlandja, Żvezja) 
  • 4 pajjiżi assoċjati (Iżlanda, Norveġja, Żvizzera, Liechtenstein)  
Iż-żona Schengen tikkonsisti f'26 pajjiż li qablu li jneħħu l-kontrolli regolari fil-fruntieri interni tagħhom