L-asil u l-migrazzjoni fl-UE: fatti u ċifri 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-livelli massimi fil-flussi migratorji li seħħew fl-UE fl-2015 u fl-2016 naqsu. Iċċekkja ċ-ċifri l-aktar riċenti marbuta mal-migrazzjoni u l-asil fl-infografika tagħna.

Il-wasla ta' aktar minn miljun migrant u persuna li tfittex asil fl-Ewropa fl-2015 kixfet nuqqasijiet serji fis-sistema tal-asil tal-UE. Biex iwieġeb għall-kriżi tal-migrazzjoni, il-Parlament qed jaħdem fuq proposti biex joħloq politika Ewropea dwar l-asil aktar ġusta u aktar effettiva.


Hawn taħt issib id-data rilevanti kollha dwar il-migrazzjoni fl-Ewropa, min huma l-migranti, x'qed tagħmel l-UE biex tittratta s-sitwazzjoni, u x'implikazzjonijiet finanzjarji kien hemm.


Definizzjonijiet: Min hu rifuġjat? Min hi persuna li tfittex asil?


Il-persuni li jfittxu asil huma persuni li jagħmlu talba formali għal asil f'pajjiż ieħor għax jibżgħu li ħajjithom hija fil-periklu fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom.


Ir-rifuġjati huma persuni b'biża' ġustifikat ta' persekuzzjoni għal raġunijiet ta' razza, reliġjon, nazzjonalità, politika jew sħubija fi grupp soċjali partikolari li ġew aċċettati u rikonoxxuti bħala tali fil-pajjiż ospitanti tagħhom. Fl-UE, id-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika tistabbilixxi l-linji gwida għall-għoti ta' protezzjoni internazzjonali lil dawk li jeħtiġuha.


Bħalissa persuni barra mill-UE jridu japplikaw għall-protezzjoni fl-ewwel pajjiż tal-UE li jidħlu fih. It-tressiq ta' applikazzjoni jfisser li dawn isiru applikanti għal asil (jew persuni li jfittxu asil). Huma jirċievu status ta' rifuġjat jew forma oħra ta' protezzjoni internazzjonali biss ladarba tkun ittieħdet deċiżjoni pożittiva mill-awtoritajiet nazzjonali.

Deċiżjonijiet dwar l-asil fl-UE



Fl-2019, kien hemm 714,200 applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-UE flimkien man-Norveġja u l-Isvizzera, u dan ifisser 13 % aktar mis-634,700 applikazzjoni li waslu fl-2018. Matul is-snin ta' qabel, kien hemm 728,470 applikazzjoni fl-2017 u kważi 1.3 miljun fl-2016.


Barra minn hekk, fl-2019 il-pajjiżi tal-UE taw protezzjoni lil 295,800 applikant għal asil, jiġfieri inqas mill-ammont ta' 333,400 fl-2018, li kien kważi 40 % inqas minn dak fl-2017 (533,000). Kważi wieħed minn kull tlieta (27 %) minn dawn kienu mis-Sirja, filwaqt li l-Afganistan (14 %) u l-Iraq (13 %) jikkompletaw l-ewwel tliet pajjiżi fil-lista. L-għadd ta' Venezwelani żdied bi kważi 40 darba fl-2019 meta mqabbel mal-2018. Mit-78,600 ċittadin Sirjan li ngħataw protezzjoni internazzjonali fl-UE, kważi 71 % rċevewha fil-Ġermanja.


Is-sitwazzjoni fil-Mediterran


L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tiġbor data dwar qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-UE rreġistrata mill-awtoritajiet nazzjonali. Fl-2015 u l-2016 ġew identifikati aktar minn 2.3 miljun każ ta' qsim illegali. Fl-2019, l-għadd totali ta' każijiet ta' qsim illegali tal-fruntiera lejn l-UE naqas għal 141,846, li kien l-aktar livell baxx mill-2013 u jirrappreżenta tnaqqis ta' 5 % meta mqabbel mal-2018.

Persuna waħda tista' tgħaddi minn fruntiera għal aktar minn darba, b'tali mod li n-numru ta' persuni deħlin fl-Ewropa ċkien; madankollu, l-Istati Membri sabu ruħhom taħt pressjoni sinifikanti.


Fl-2019, 735,835* persuna ma tħallewx jidħlu fil-fruntieri esterni tal-UE. Fl-ewwel nofs tal-2020, kien hemm 23,288 persuna li rriskjaw ħajjithom biex jaslu l-Ewropa bil-baħar, u huwa maħsub li kien hemm madwar 248 li għerqu. Fl-2019, kważi 30,000 persuna waslu l-Ewropa bil-baħar, apparagun ta' aktar minn miljun persuna fl-2015. Madankollu, il-qsim tal-Mediterran baqa' fatali, b'1,319-il persuna mejta jew nieqsa fl-2019, apparagun ta' 2,277 fl-2018 u 3,139 fl-2017.


Migranti preżenti illegalment fl-UE


Fl-2015, 2.2 miljun ruħ instabu li kienu preżenti illegalment fl-UE. Sal-2019, in-numru kien naqas għal ftit iżjed minn 650,000 biss. "Preżenti illegalment" tista' tfisser persuna li tkun naqset milli tirreġistra kif suppost jew li tkun telqet mill-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar tat-talba għal asil tagħha. Fih innifsu dan waħdu mhuwiex bażi biex dawn il-persuni jitkeċċew mill-UE.


X'qed jaħsbu l-Ewropej


Il-migrazzjoni ilha prijorità tal-UE għal ħafna snin. Ittieħdu diversi miżuri kemm għall-ġestjsoni tal-kriżi kif ukoll għat-titjib tas-sistema tal-asil. Skont ir-riżultati ta' stħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikati f'Mejju 2018, 72 % tal-Ewropej iridu li l-UE tagħmel aktar f'dak li għandu x'jaqsam mal-immigrazzjoni.



Minkejja li l-istħarriġ tal-Ewrobarometru minn Ġunju 2019 juri li l-immigrazzjoni kienet il-ħames l-akbar kwistjoni li influwenzat id-deċiżjonijiet ta' votazzjoni tal-Ewropej fl-elezzjonijiet tal-UE ta' Mejju, fl-aħħar stħarriġ tal-Parlometru 2019 din il-kwistjoni rreġistrat tnaqqis fl-importanza. (34 % tal-Ewropej kellhom f'moħħhom l-immigrazzjoni meta vvutaw. Il-kwistjonijiet ewlenin kienu l-ekonomija, it-tibdil fil-klima, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, kif ukoll il-futur tal-UE.)

L-UE żiedet b'mod sinifikanti l-finanzjament tagħha għall-politiki dwar il-migrazzjoni, l-asil u l-integrazzjoni wara ż-żieda fl-influss ta' persuni jfittxu asil fl-2015. Fin-negozjati li jmiss dwar il-baġit tal-UE ta' wara l-2020, il-Parlament se jappella għal finanzjament addizzjonali għal dawn l-oqsma.


Skopri aktar kif l-UE timmaniġġja l-migrazzjoni.


Rifuġjati fid-dinja


Madwar id-dinja, in-numru ta' nies li qed jaħarbu mill-persekuzzjoni, mill-kunflitti u mill-vjolenza, għall-ewwel darba, laħaq 79.5 miljun. Dan huwa ekwivalenti għal kważi kull raġel, mara, tifel u tifla fil-Ġermanja li jiġu sfurzati barra minn darhom. It-tfal jirrappreżentaw kważi 40 % tal-popolazzjoni tar-rifuġjati fid-dinja.


Il-pajjiżi li jospitaw l-akbar numru ta' rifuġjati huma t-Turkija, il-Kolombja, il-Pakistan, l-Uganda u l-Ġermanja. 15 % biss tar-rifuġjati fid-dinja huma ospitati minn pajjiżi żviluppati.


Ara l-infografika tagħna hawn fuq għall-aħħar ċifri tal-Eurostat dwar l-applikazzjonijiet għal asil fl-UE kif ukoll iċ-ċifri tal-UNHCR dwar l-għadd ta' rifuġjati fil-pajjiżi tal-UE.

*proviżorju

Noti ta' tgħarrif