L-ażil u l-migrazzjoni fl-UE: fatti u ċifri 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt mingħajr preċedent fuq il-flussi migratorji fl-UE.

Ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment li ġew stabbiliti fid-dawl tal-pandemija tal-coronavirus naqqsu l-migrazzjoni, kemm dik legali kif ukoll illegali, peress li l-pajjiżi għalqu l-fruntieri, irrestrinġew ir-rotot għall-migrazzjoni legali u naqqsu l-programmi biex jilqgħu lir-rifuġjati.


Madankollu, id-difetti fis-sistema tal-ażil tal-UE li ġew esposti mill-wasla ta' aktar minn miljun persuna li jfittxu ażil u migranti fl-2015 għadhom preżenti. Il-Parlament qed jaħdem fuq proposti biex tinħoloq politika Ewropea dwar l-ażil aktar ġusta u aktar effikaċi.


Hawnhekk tista' ssib id-data rilevanti kollha dwar il-migrazzjoni fl-Ewropa, min huma l-migranti, x'qed tagħmel l-UE biex tittratta s-sitwazzjoni, u x'implikazzjonijiet finanzjarji kien hemm.


Definizzjonijiet: Min hu rifuġjat? Min hi persuna li tfittex ażil?


Il-persuni li jfittxu ażil huma persuni li jagħmlu talba formali għal ażil f'pajjiż ieħor għax jibżgħu li ħajjithom hija fil-periklu fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom.


Ir-rifuġjati huma persuni b'biża' ġustifikata ta' persekuzzjoni għal raġunijiet ta' razza, reliġjon, nazzjonalità, politika jew sħubija fi grupp soċjali partikolari li ġew aċċettati u rikonoxxuti bħala tali fil-pajjiż ospitanti tagħhom. Fl-UE, id-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika tistabbilixxi l-linji gwida għall-għoti ta' protezzjoni internazzjonali lil dawk li jeħtiġuha.


Bħalissa persuni barra mill-UE jridu japplikaw għall-protezzjoni fl-ewwel pajjiż tal-UE li jidħlu fih. It-tressiq ta' applikazzjoni jfisser li dawn isiru applikanti għal ażil (jew persuni li jfittxu ażil). Huma jirċievu status ta' rifuġjat jew forma oħra ta' protezzjoni internazzjonali biss ladarba tkun ittieħdet deċiżjoni pożittiva mill-awtoritajiet nazzjonali.


Skopri aktar dwar il-kawżi tal-migrazzjoni

Deċiżjonijiet dwar l-ażil fl-UE

Fl-ewwel 10 xhur tal-2020, kien hemm 390,000 applikazzjoni għal ażil fl-UE, 33 % inqas meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2019. Fl-2018, kien hemm 634,700, ferm inqas mill-miljun applikazzjoni rreġistrata fl-2015 u l-2016.


Fl-ewwel seba' xhur tal-2020 kien hemm tnaqqis partikolarment kbir fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Italja. Kien hemm inqas applikazzjonijiet għall-ewwel darba mis-Sirja (135 000 inqas mill-medja għall-2018 u l-2019, tnaqqis ta' 52 %), l-Iraq (tnaqqis ta' 55 %) u n-Niġerja (tnaqqis ta' 58 %).


Madankollu, in-numri żdiedu fi Spanja u fir-Rumanija, parzjalment minħabba żieda fl-applikazzjonijiet minn pajjiżi tal-Amerika t'Isfel, inkluż il-Kolombja (żieda ta' 102 % fuq il-medja tas-sentejn preċedenti) u l-Perù (76 % ogħla).


L-aktar rata baxxa ta' qsim irregolari tal-fruntiera matul dawn l-aħħar sitt snin

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tiġbor data dwar qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-UE rreġistrata mill-awtoritajiet nazzjonali.


Fl-2015 u l-2016 ġew identifikati aktar minn 2.3 miljun każ ta' qsim illegali. L-għadd totali ta' qsim illegali f'Jannar–Novembru 2020 naqas għal 114,300, l-aktar livell baxx f'dawn l-aħħar sitt snin u tnaqqis ta' 10 % meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019. Minkejja tnaqqis ta' 55 %, l-Afganistan jibqa' wieħed mill-pajjiżi ewlenin ta' oriġini ta' persuni misjuba li jaqsmu l-fruntieri b'mod irregolari, flimkien mas-Sirja, it-Tuneżija u l-Alġerija.


Il-qsim tal-Mediterran baqa' fatali, b'1,754 persuna rrappurtati mejta jew nieqsa fl-2020 meta mqabbla mal-2,095 persuna fl-2019. Il-wasliet irregolari permezz tar-Rotta tal-Mediterran Ċentrali (lejn l-Italja u Malta) żdiedu b'154 % f'Jannar–Novembru 2020 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019. Kien hemm aktar minn 34,100 wasla simili fl-2020, meta mqabbla ma' kważi 11,500 fl-2019, bil-maġġoranza tal-persuni jaslu f'Lampedusa. Il-wasliet fi Spanja, u b'mod partikolari fil-Gżejjer Kanarji, żdiedu b'46 % (35,800) fl-2020 meta mqabbla mal-2019.


Ħafna wasliet ġodda joriġinaw minn pajjiżi li jbatu minn tnaqqis fir-ritmu ekonomiku aktar milli minn kunflitt. Tnaqqis fir-rimessi globali x'aktarx li jikkontribwixxi wkoll għal din ix-xejra. Sakemm titrażżan il-pandemija u l-irkupru ekonomiku jaqbad ir-ritmu, il-prospetti foqra ta' impjieg u ta' kura tas-saħħa se jibqgħu inċentiv għan-nies biex jiġu fl-UE.


X'qed jaħsbu l-Ewropej


Il-migrazzjoni ilha prijorità tal-UE għal ħafna snin. Ittieħdu diversi miżuri kemm għall-ġestjsoni tal-flussi tal-migrazzjoni kif ukoll għat-titjib tas-sistema tal-ażil.

Minkejja li l-istħarriġ tal-Ewrobarometru ta' Ġunju 2019 juri li l-migrazzjoni kienet il-ħames l-akbar kwistjoni li influwenzat id-deċiżjonijiet tal-Ewropej fil-votazzjoni għall-elezzjonijiet tal-UE ta' dik is-sena,

L-istħarriġ tal-Parlometru 2020 irreġistra tnaqqis fl-importanza. Hija meqjusa bħala l-qasam ewlieni ta' nuqqas ta' qbil bejn l-UE u l-gvernijiet nazzjonali minn kważi nofs (47 %) ir-rispondenti.

L-UE żiedet b'mod sinifikanti l-finanzjament tagħha għall-politiki dwar il-migrazzjoni, l-ażil u l-integrazzjoni wara ż-żieda fl-influss ta' persuni li jfittxu ażil fl-2015. EUR 22,7 biljun imorru għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-fruntieri fil-baġit fit-tul tal-UE għall-2021–2017, meta mqabbel ma' EUR 10 biljun għall-migrazzjoni u l-ażil fl-2014–2020.


Skopri aktar kif l-UE timmaniġġja l-migrazzjoni


Rifuġjati fid-dinja


Madwar id-dinja, l-għadd ta' persuni li qed jaħarbu mill-persekuzzjoni, il-kunflitt u l-vjolenza laħaq it-80 miljun persuna. Dan huwa ekwivalenti għal kważi kull raġel, mara, tifel u tifla fil-Ġermanja li jiġu sfurzati barra minn darhom. It-tfal jirrappreżentaw kważi 40 % tal-popolazzjoni tar-rifuġjati fid-dinja.


Il-pajjiżi li jospitaw l-akbar numru ta' rifuġjati huma t-Turkija, il-Kolombja, il-Pakistan, l-Uganda u l-Ġermanja. 14 % biss tar-rifuġjati fid-dinja huma ospitati minn pajjiżi żviluppati.


Ara l-infografika tagħna għaċ-ċifri tal-Eurostat tal-2019 dwar l-applikazzjonijiet għal ażil fl-UE kif ukoll iċ-ċifri tal-UNHCR dwar l-għadd ta' rifuġjati fil-pajjiżi tal-UE.

Tgħarrif