L-ażil u l-migrazzjoni fl-UE: fatti u ċifri

Il-migrazzjoni fl-UE ġiet affettwata minn kriżijiet bħall-pandemija tal-COVID-19 u l-ostilitajiet Russi fl-Ukrajna.

Ara l-aħħar ċifri fl-infografika tagħna.

 

Ir-restrizzjonijiet stabbiliti fid-dawl tal-pandemija tal-coronavirus wasslu għal tnaqqis fil-migrazzjoni, iżda n-numri reġgħu bdew jiżdiedu fl-2021. Żidiet reċenti huma parzjalment dovuti għall-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna. It-tibdil fil-klima jista' jkollu wkoll impatt fil-futur.

 

Id-difetti fis-sistema tal-ażil tal-UE li ġew esposti mill-wasla ta' aktar minn miljun persuna li jfittxu ażil u migranti fl-2015 għadhom preżenti. F'Settembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Patt dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni u l-Parlament ilu jaħdem fuq proposti biex tinħoloq politika Ewropea dwar l-ażil aktar ġusta u effettiva. F’April 2023, il-Parlament approva l-pożizzjoni tiegħu dwar il-patt u issa huwa lest li jibda negozjati mal-Kunsill.

 

Kompli aqra biex issib data dwar il-migrazzjoni fl-Ewropa, min huma l-migranti, x'qed tagħmel l-UE biex tibda tittratta s-sitwazzjoni, u x'implikazzjonijiet finanzjarji kien hemm.

Tgħallem aktar dwar kif l-UE timmaniġġja l-migrazzjoni

Definizzjonijiet: min hu rifuġjat? Min hi persuna li tfittex ażil?

 

Il-persuni li jfittxu ażil huma persuni li jagħmlu talba formali għal ażil f'pajjiż ieħor għax jibżgħu li ħajjithom hija fil-periklu fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom. Bħalissa persuni barra mill-UE jridu japplikaw għall-protezzjoni fl-ewwel pajjiż tal-UE li jidħlu fih. It-tressiq ta' applikazzjoni jfisser li dawn isiru applikanti għal ażil (jew persuni li jfittxu ażil). Huma jirċievu status ta' rifuġjat jew forma differenti ta' protezzjoni internazzjonali biss ladarba tkun ittieħdet deċiżjoni pożittiva mill-awtoritajiet nazzjonali.

 

Ir-rifuġjati huma persuni b'biża' ġustifikata ta' persekuzzjoni għal raġunijiet ta' razza, reliġjon, nazzjonalità, politika jew sħubija fi grupp soċjali partikolari li ġew aċċettati u rikonoxxuti bħala tali fil-pajjiż ospitanti tagħhom. Fl-UE, id-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika tistabbilixxi l-linji gwida għall-għoti ta' protezzjoni internazzjonali lil dawk li jeħtiġuha. F'Marzu 2022, il-Parlament appoġġja l-attivazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja għall-ewwel darba minn meta daħlet fis-seħħ fl-2001 biex tingħata protezzjoni immedjata lin-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna.

 

Skopri aktar dwar il-kawżi tal-migrazzjoni

 

Applikazzjonijiet u deċiżjonijiet għall-ażil fl-UE

 

Fil-2022, kien hemm ftit inqas minn miljun (965,665) applikazzjoni għall-ażil fl-UE, 52.1% aktar milli fl-2021 u l-ogħla livell mill-2016. Fl-eqqel tal-kriżi tal-migrazzjoni tal-2015–2016, l-għadd ta’ applikanti tela’ sa 1,221,690.

 

In-numru ta’ applikanti għall-ażil għall-ewwel darba fl-UE fl-2022 kien ta’ 881,220, żieda ta’ 64 % mis-sena ta’ qabel (537,355). Applikant għall-ewwel darba għall-protezzjoni internazzjonali huwa persuna li ppreżentat applikazzjoni għall-ażil għall-ewwel darba f’pajjiż partikolari tal-UE. Dan jeskludi applikanti ripetuti f’dak il-pajjiż.

 

Il-pajjiżi li raw l-akbar żidiet relattivi ta’ applikanti għall-ewwel darba fl-2022 kienu l-Irlanda (+ 421.8 %), il-Kroazja (+ 367.9 %) u l-Awstrija (+ 181.4 %). Il-pajjiż li rreġistra l-aktar applikanti għall-ewwel darba fl-2022 kien il-Ġermanja, li ammontat għal 24.7 % tal-applikanti kollha għall-ażil għall-ewwel darba fl-UE. Din kienet segwita minn Franza (15.6 %), Spanja (13.2 %) u l-Awstrija (12.1 %). L-inqas għadd ta’ applikanti għall-ażil għall-ewwel darba ġew osservati fl-Ungerija (45 applikant), fis-Slovakkja (500 applikant) u fil-Latvja (545 applikant).

 

Sirjani, Afgani, Venezwelani u Torok ippreżentaw l-aktar applikazzjonijiet għall-ażil — li flimkien jammontaw għal kważi 40 % tal-applikanti kollha għall-ażil għall-ewwel darba. L-għadd ta’ applikanti għall-ażil għall-ewwel darba mis-Sirja żdied minn ftit inqas minn 100,000 fis-sena 2021 għal 131,970. Madankollu, dawn ammontaw għal 15 % tat-total, tnaqqis minn 18.4 % fl-2021. L-Afgani kienu jirrappreżentaw 12.9 % tat-total tal-UE. Applikanti mill-Venezwela u mit-Turkija kull wieħed irrappreżentaw kważi 6 %, b’50,050 (5.7 %) u 49,720 (5.6 %) applikazzjoni, rispettivament.

 

Il-pajjiżi tal-UE approvaw total ta’ 384,245 applikazzjoni fl-2022, żieda ta’ 40 % meta mqabbla mal-2021. Madwar 44 % ngħataw status ta’ rifuġjat (żieda ta’ 22 % mill-2021), 31 % ngħataw protezzjoni sussidjarja (żieda ta’ 48 %), u 25 % ngħataw protezzjoni umanitarja (żieda ta’ 72 %).

 

Il-gwerra fl-Ukrajna kkawżat influss ġdid ta' migranti fl-Ewropa

 

L-invażjoni Russa tal-Ukrajna rriżultat f’miljuni ta’ nies li ġew sfurzati jaħarbu minn djarhom. Kien hemm aktar minn 20 miljun qsim tal-fruntieri mill-Ukrajna mill-bidu tal-gwerra, skont l-UNHCR, l-aġenzija tar-refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti. Sal-lum, il-Ġermanja u l-Polonja laqgħu l-akbar numru ta’ refuġjati Ukreni.

 

Mill-4 ta’ Marzu 2022, l-Ukreni li qed jaħarbu mill-invażjoni Russa ngħataw protezzjoni temporanja wara li l-UE attivat id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja. Din hija miżura eċċezzjonali fil-każ ta’ influss bil-massa jew influss bil-massa imminenti ta’ persuni spostati minn pajjiżi mhux tal-UE li ma jistgħux jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

 

Qsim irregolari tal-fruntieri u mwiet ta’ migranti fi triqithom lejn l-Ewropa

 

Fl-2015 u fl-2016, fl-eqqel tal-kriżi tal-migrazzjoni, ġew identifikati aktar minn 2.3 miljun qsim irregolari. L-għadd totali ta’ qsim illegali fl-2022 kien ta’ 330,000, l-ogħla livell mill- 2016. L-għadd ta’ qsim identifikati żdied fuq ir-rotot migratorji irregolari kollha. Il-qsim tal-Mediterran Ċentrali jibqa’ l-aktar wieħed fatali mill-erba’ rotot migratorji lejn l-Ewropa, b’madwar 1,400 persuna rrappurtati mejta jew nieqsa fl-2022.

 

Finanzjament tal-UE għall-migrazzjoni

 

Il-migrazzjoni ilha prijorità tal-UE għal ħafna snin. Ittieħdu diversi miżuri kemm għall-ġestjoni tal-flussi tal-migrazzjoni kif ukoll għat-titjib tas-sistema tal-ażil.

 

Wara l-influss miżjud ta' dawk li jfittxu l-ażil fl-2015, l-UE żiedet b'mod sinifikanti l-finanzjament tagħha għall-migrazzjoni, l-ażil u l-politiki tal-integrazzjoni. €22.7 biljun imorru għall-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri fil-baġit tal-UE għall-2021-2027, meta mqabbel mal-€10 biljun għall-migrazzjoni u l-ażil fl-2014-2020.

 

Skopri aktar kif l-UE tiġġestixxi l-migrazzjoni

 

Rifuġjati madwar id-dinja

 

Madwar id-dinja, l-għadd ta’ persuni li qed jaħarbu mill-persekuzzjoni, il-kunflitt u l-vjolenza laħaq il-108.4 miljun. It-tfal jirrappreżentaw 40% tal-popolazzjoni dinjija tar-refuġjati.

 

Il-pajjiżi li jospitaw l-akbar numru ta’ refuġjati huma it-Turkija, l-Iran, il-Kolombja, il-Ġermanja u l-Pakistan. 76 % tal-popolazzjoni dinjija tar-refuġjati hija ospitata f’pajjiżi bi dħul baxx u medju.

 

Ara ċ-ċifri tal-UNHCR dwar l-għadd ta' rifuġjati fil-pajjiżi tal-UE.