It-tibdil fil-klima: użu aħjar tal-foresti tal-UE bħala bjar tal-karbonju

Tgħallem kif l-UE trid tuża s-saħħa tal-foresti biex tassorbi s-CO2 biex tiġġieled it-tibdil fil-klima u tnaqqas aktar l-impronta tal-karbonju permezz tal-infografika tagħna.

L-UE nediet diversi inizjattivi biex tnaqqas l-emissjonijiet. Peress li l-foresti għandhom rwol kruċjali fil-qbid tad-diossidu tal-karbonju mill-atmosfera li inkella jikkontribwixxi għat-tisħin globali, l-UE qed taħdem fuq regoli biex iżżid il-bjar tal-karbonju tagħha.

F'Marzu 2023, il-Parlament approva regoli ambizzjużi ġodda li jirregolaw is-settur tal-użu tal-art, il-bidla fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF), li jżidu l-bjar tal-karbonju tal-UE b'15 % sal-2030. Ir-regoli għad iridu jiġu approvati formalment mill-Kunsill.

Kompli aqra biex issir taf il-fatti u ċ-ċifri ewlenin dwar il-foresti fil-pajjiżi tal-UE u dak li qed jipproponi l-Parlament biex issaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jaqbdu d-dijossidu tal-karbonju mill-atmosfera.

L-importanza tal-foresti fl-UE: fatti ewlenin

Il-foresti tal-UE jassorbu kull sena l-ekwivalenti ta' 7% tal-emissjonijiet totali ta' gassijiet b'effett ta' serra fl-UE.

L-UE tiftaħar li għandha 159 miljun ettaru ta' foresti, li jkopru 43.5% tal-erja tal-art tagħha. Il-kopertura tal-foresti tista' tvarja konsiderevolment minn pajjiż tal-UE għal ieħor, minn ftit aktar minn 10% f'Malta għal kważi 70% fil-Finlandja.

Minbarra li jservu bħala bjar tal-karbonju, il-foresti jipprovdu bosta servizzi tal-ekosistema: huma jgħinu biex jipproteġu l-ħamrija mill-erożjoni, jipparteċipaw fiċ-ċiklu tal-ilma, iħarsu l-bijodiversità billi jservu ta' ħabitat għal bosta speċijiet, u jirregolaw il-klima lokali.

Il-foresti jokkupaw 43.5% tal-art tal-UE
Il-foresti jokkupaw 43.3% tal-art tal-UE

Liema settur se jintlaqat mil-leġiżlazzjoni?

Il-pjanijiet riveduti jikkonċernaw is-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija, li jkopri prinċipalment l-art forestali u l-art agrikola, kif ukoll l-art li l-użu tagħha nbidel minn, jew għal, wieħed minn dawn l-użi.

Dan is-settur jarmi gassijiet serra. Pereżempju permezz ta' bidliet fl-użu tal-art, speċjalment meta l-foresti jintużaw għal xi ħaġa oħra bħal art li tinħarat, meta jinqatgħu s-siġar, jew minħabba l-bhejjem fuq art agrikola.

Madankollu, huwa wkoll l-uniku settur li jista' jneħħi s-CO2 mill-atmosfera, prinċipalment permezz tal-foresti.

X'inhuma r-regoli l-ġodda?

 

Ir-regoli l-ġodda se jżidu l-bjar naturali tal-karbonju tal-UE, pereżempju billi jiġu restawrati artijiet mistagħdra, jitħawlu foresti ġodda u titwaqqaf id-deforestazzjoni. Dan għandu jwassal għal tnaqqis saħansitra akbar tal-emissjonijiet tal-UE ta' 57% għall-2030, meta mqabbel mal-55% stabbilit qabel. B’hekk jitneħħew mill-inqas 310 miljun tunnellata ta' CO2 ekwivalenti.

Mill-2026, il-pajjiżi tal-UE se jkollhom miri nazzjonali vinkolanti għall-2030 għat-tneħħija u emissjonijiet minn LULUCF, ibbażati fuq livelli ta' tneħħija reċenti u potenzjal għal aktar tneħħija. Sa dakinhar, il-pajjiżi tal-UE se jkollhom jiżguraw li l-emissjonijiet fis-settur tal-LULUCF ma jaqbżux l-ammont li tneħħa.

Ir-regoli jiżguraw ukoll monitoraġġ imtejjeb u aktar flessibbiltà għall-istati membri, inkluż kumpens jekk ikunu ġew affettwati minn disturbi naturali bħal nirien fil-foresti, pesti jew maltempati u l-possibbiltà li jintużaw krediti LULUCF biex jikkumpensaw l-emissjonijiet minn setturi fir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforz.


L-isforzi tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra

Ir-reviżjoni tar-regoli dwar l-użu tal-art u l-forestrija hija parti mill-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" li għandu l-għan li jwettaq il-mira tal-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b'mill-inqas 55% sal-2030, kif stabbilit fil-Liġi dwar il-Klima.

Biċċiet oħra ta' leġiżlazzjoni fil-pakkett jinkludu proposti dwar l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, il-kondiviżjoni tal-isforzi bejn il-pajjiżi tal-UE, l-emissjonijiet tal-karozzi, l-enerġija rinnovabbli u l-iffrankar tal-enerġija.

Dan l-artikolu ġie ppubblikat oriġinarjament fit-13 ta’ Settembru 2017 u ġie aġġornat l-aħħar f’Marzu 2023.

Ara artikli relatati