L-impjieg taż-żgħażagħ: il-miżuri tal-UE biex jiffunzjona

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu tema ċentrali fl-Ewropa. Skopri x'miżuri daħħlet fis-seħħ l-UE bħala għajnuna.

Young people are working in a coworking space. Photo by CoWomen on Unsplash
Young people are working in a coworking space. Photo by CoWomen on Unsplash

Il-politiki tal-impjiegi u taż-żgħażagħ huma responsabbiltà tal-Istati Membri. Madankollu, l-UE varat għadd ta' inizjattivi li jikkomplementaw il-politiki nazzjonali bħala parti mill-azzjonijiet tagħha għal Ewropa aktar soċjali.

Dan l-appoġġ jiffoka fuq il-finanzjament ta' programmi tal-impjieg taż-żgħażagħ, it-titjib tal-kwalità tal-apprendistati u t-traineeships, l-offerta ta' edukazzjoni u ta' opportunitajiet ta' impjieg internazzjonali u l-awtonomizzazzjoni taż-żgħażagħ permezz ta' proġetti ta' volontarjat.

  


Iċ-ċifri tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa

 

L-ewwel impjieg reali jippermetti liż-żgħażagħ isiru ċittadini indipendenti u kunfidenti fihom infushom. In-nuqqas ta' prospetti għall-futur u l-qgħad fit-tul fost iż-żgħażagħ iżidu l-probabbiltà li jerġgħu jispiċċaw bla xogħol fis-snin ta' wara u jnaqqsulhom il-prospetti tal-karriera. Meta t-tfittxija għal xogħol u għal opportunitajiet ta' taħriġ ma tħallix frott, jinħolqu sentimenti ta' iżolament, dipendenza u nuqqas ta' utilità fost iż-żgħażagħ. Barra minn hekk, ikun hemm effetti negattivi fuq l-ekonomija u fuq soċjetà li qed tixjieħ.

Iż-żgħażagħ kienu fost dawk li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008. Ir-rata tal-qgħad fost il-persuni ta' bejn il-15 u l-24 sena fl-UE żdiedet minn 15% fl-2008 għal 24% fil-bidu tal-2013, b'livelli massimi fil-Greċja (60%), Spanja (56.2%), il-Kroazja (49.8%), l-Italja (44.1%) u l-Portugall (40.7%).

Fis-snin ta' wara, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE tjiebet kontinwament (14.1% f'Diċembru 2019). Hemm ir-riskju li l-kriżi tal-COVID-19 terġa' tiggrava s-sitwazzjoni u żżid il-livelli inkwetanti diġà eżistenti ta' żgħażagħ qiegħda f'diversi Stati Membri. F'Awwissu 2020, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE-27 kienet ta' 17.6%. 

 

Il-finanzjament ta' programmi għall-impjieg taż-żgħażagħ

 

Biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ, fl-2013 il-pajjiżi tal-UE qablu li jvaraw il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li hija inizjattiva tal-UE biex kull persuna taħt il-25 sena tingħata offerta ta' impjieg b'livell għoli ta' kwalità, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba' xhur minn meta jsibu ruħhom qiegħda jew jispiċċaw l-edukazzjoni formali.

L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ hija l-għodda ewlenija ta' għajnuna tal-UE għall-finanzjament ta' miżuri u programmi, imwaqqfa mill-pajjiżi tal-UE biex iwettqu l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, bħal taħriġ u assistenza għaż-żgħażagħ biex isibu l-ewwel impjieg tagħhom, flimkien ma' inċentivi għal min iħaddem.

B'mod partikolari, l-inizjattiva tappoġġja r-reġjuni tal-UE li għandhom rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ogħla minn 25%.

Wara l-kriżi tal-coronavirus, bħala parti minn pakkett usa' ta' Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ, l-UE bħalissa qed taħdem fuq proposta biex issaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tagħmilha aċċessibbli għal aktar ċittadini (billi jintlaħqu gruppi vulnerabbli u l-limitu tal-età jinbidel għal 29) u aktar konformi mal-ħtiġijiet individwali u tas-suq.


Skont il-Kummissjoni Ewropea, aktar minn 20 miljun żagħżugħ u żagħżugħa rreġistraw għall-iskemi tal-Garanziji għaż-Żgħażagħ mill-2014 'l hawn, filwaqt li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ipprovdiet appoġġ dirett lil 2.4 miljun żagħżugħ u żagħżugħa sa tmiem l-2017. 

 

Apprendistati u traineeships ta' kwalità

 

Il-pjattaforma Alleanza Ewropea għall-Apprendistati ġiet varata biex tappoġġja l-Garanzija għaż-Żgħażagħ u ttejjeb il-kwalità tal-apprendistati fl-Ewropa.

Fl-2014, il-pajjiżi tal-UE qablu dwar Qafas ta' Kwalità b'rakkomandazzjonijiet għat-traineeships sabiex iż-żgħażagħ jingħataw il-possibbiltà jiksbu esperjenza ta' xogħol b'livell ta' kwalità għoli u b'kundizzjonijiet sikuri u ġusti filwaqt li jżidu l-impjegabbiltà tagħhom.

Opportunitajiet internazzjonali

Fl-UE, il-politiki tal-edukazzjoni għolja u s-sistemi tat-taħriġ huma responsabbiltà tal-Istati Membri. Għalhekk, ir-rwol tal-UE hu li tikkoordina l-kapaċità tal-Istati Membri u tappoġġja l-isforzi tagħhom permezz ta' kooperazzjoni mil-lat tal-politika u strumenti ta' finanzjament, bħall-programm Erasmus+ u l-fondi tal-UE.

Il-proċess ta' Bolonja, mekkaniżmu intergovernattiv li nbeda fl-1999, jiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki fl-edukazzjoni għolja fi 48 pajjiż. Illum jeżisti proċess Ewropew ta' rikonoxximent reċiproku mhux vinkolanti ta' baċellarati, lawrji master u dottorati.

Fl-2018, biex il-proċess ta' rikonoxximent jiġi promoss aktar, il-pajjiżi tal-UE adottaw Rakkomandazzjoni dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u postsekondarja bejn pajjiż u ieħor. Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri jieħdu passi biex jintroduċu rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki sal-2025.

Diġà jeżistu għodod differenti li jistgħu jgħinu billi jappoġġjaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u jiffaċilitaw il-validazzjoni transfruntiera taċ-ċertifikati tat-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja fl-UE, pereżempju:

  • il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, stabbilit fl-2018, huwa għodda li ma torbotx legalment iżda tgħin biex jitqabblu s-sistemi ta' kwalifiki fl-Ewropa;

  • il-Europass, sett ta' dokumenti importanti, fosthom mudell ta' CV u passaport tal-lingwi standardizzati fuq livell Ewropew, li jirrendi l-edukazzjoni u l-esperjenza tax-xogħol trasparenti internazzjonalment;

  • is-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, stabbilita biex tiffaċilita l-validazzjoni u r-rikonoxximent ta' ħiliet u għarfien relatati max-xogħol miksuba f'sistemi u pajjiżi differenti.

L-UE għandha l-għan li tibni Żona Ewropea tal-Edukazzjoni li tippermetti liż-żgħażagħ kollha jirċievu edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità u jsibu impjiegi fl-Ewropa kollha.

Il-programm tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport jismu Erasmus+, u jiffoka fuq il-mobbiltà u l-kooperazzjoni transnazzjonali. Il-programm beda bħala programm ta' skambju tal-istudenti fl-1987, u evolva fi programm ġenerali li jkopri l-edukazzjoni skolastika u f'livell (internazzjonali) ogħla, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim tal-adulti, it-tagħlim mhux formali u informali taż-żgħażagħ, u l-isport.

Erasmus+ jippermetti lill-istudenti jistudjaw barra minn pajjiżhom, joffri opportunitajiet ta' tagħlim u taħriġ għall-persunal li jaħdem fis-settur tal-edukazzjoni u jappoġġja t-traineeships u l-iskambji taż-żgħażagħ. L-organizzazzjonijiet (bħal skejjel, universitajiet, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, eċċ.) jistgħu wkoll jirċievu fondi biex jibnu sħubijiet strateġiċi u alleanzi ma' organizzazzjonijiet minn pajjiżi oħra.

Erasmus+ (2014-2020) joffri opportunitajiet ta' mobbiltà lil 4 miljun persuna, u bis-saħħa tiegħu ġew iffurmati 25,000 sħubija strateġika. Il-Parlament Ewropew qed jipproponi li l-baġit għall-programm Erasmus+ għas-snin 2021-2027 jiġi ttriplikat.

Baġit ġdid għal Erasmus+ biex ikabbar il-mobilità u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ

L-inizjattiva Your first EURES job għandha l-għan li tippromwovi l-mobbiltà tal-ħaddiema billi toħloq kuxjenza fost iż-żgħażagħ dwar opportunitajiet ta' xogħol f'pajjiżi oħra tal-UE.

Il-pjattaforma tlaqqa' flimkien is-CVs ta' żgħażagħ li jkunu qed ifittxu impjieg – fl-età ta' bejn it-18 u l-35 sena, mill-pajjiżi kollha tal-UE-28 kif ukoll min-Norveġja u l-Iżlanda, li huma interessati li jiksbu esperjenza professjonali barra minn pajjiżhom – kif ukoll avviżi ta' postijiet tax-xogħol battala minn impjegaturi li jkunu qed ifittxu ħaddiema żgħażagħ.

Awtonomizzazzjoni taż-żgħażagħ

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, varat uffiċjalment fl-2016, jiffinanzja attivitajiet ta' volontarjat, traineeships u impjiegi għaż-żgħażagħ fi proġetti ta' solidarjetà ta' benefiċċju għall-komunitajiet u l-persuni fl-Ewropa kollha sa tmiem l-2020.

Sa Settembru 2019, aktar minn 161,000 żagħżugħ u żagħżugħa kienu diġà rreġistraw biex jieħdu sehem.

Fl-2019, l-MEPs approvaw il-prijoritajiet għall-programm il-ġdid għas-snin 2021-2027, li jinkludi volontarjat għal għajnuna umanitarja barra mill-UE u joffri aktar opportunitajiet għal żgħażagħ b'inqas opportunitajiet kif ukoll għal persuni minn reġjuni remoti jew bi sfond ta' migrazzjoni.