Regoli ġodda tal-UE dwar il-produzzjoni organika se jiggarantixxu kwalità tal-ikel, protezzjoni ambjentali u trattament xieraq tal-annimali matul il-katina sħiħa tal-provvista.
Aktar u aktar konsumaturi Ewropej qegħdin jixtru prodotti li huma magħmula minn sustanzi u proċessi naturali. L-ikel organiku ma għadux suq niċċa, minkejja li għadu jammonta biss għal proporzjon żgħir tal-produzzjoni agrikola totali fl-UE. Madankollu, "organiku" xi jfisser eżattament?
Id-definizzjoni tal-UE dwar il-biedja organika
Il-produzzjoni organika tfisser sistema agrikola sostenibbli li tirrispetta l-ambjent u t-trattament xieraq tal-annimali, iżda tinkludi wkoll l-istadji l-oħra kollha tal-katina tal-provvista tal-ikel.
Ir-regoli tal-UE dwar il-produzzjoni
Ir-Regolament tal-UE dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi jiżgura li l-istess standards ta' kwalità għolja jiġu rispettati madwar l-UE kollha. Ir-regoli jirreferu għal prattiki tal-agrikoltura u tal-akkwakultura, l-ipproċessar u t-tikkettar tal-ikel, il-proċeduri ta' ċertifikazzjoni għall-bdiewa kif ukoll għall-importazzjoni ta' prodotti organiċi li mhumiex tal-UE.
Il-bdiewa organiċi fl-UE jużaw enerġija u riżorsi naturali b'mod responsabbli, jippromwovu s-saħħa tal-annimali u jikkontribwixxu għaż-żamma tal-bijodiversità, tal-bilanċ ekoloġiku u tal-kwalità tal-ilma/ħamrija.
Il-prattiki tal-biedja organika fl-UE jinkludu:
- In-newba tal-għelejjel għall-użu effiċjenti tar-riżorsi
- Projbizzjoni fuq l-użu tal-pestiċidi kimiċi u fertilizzanti sintetiċi
- Limiti stretti ħafna fuq l-antibijotiċi għall-bhejjem
- Projbizzjoni tal-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM)
- Użu ta' riżorsi fuq il-post għall-fertilizzanti naturali u għall-għalf
- Trobbija tal-bhejjem fil-beraħ, f'ambjent miftuħ u bl-użu tal-għalf organiku
- Prattiki tat-trobbija tal-annimali mfassla apposta
It-tikkettar u l-logo għall-prodotti organiċi
Il-logo għall-prodotti organiċi tal-UE fuq il-prodotti alimentari jiggarantixxi li ġew rispettati r-regoli tal-UE dwar il-produzzjoni organika. Huwa obbligatorju għall-ikel ippakkjat minn qabel. Fil-każ ta' ikel ipproċessat, huwa jfisser li minn tal-inqas 95% tal-ingredjenti ta' oriġini agrikola huma organiċi. Is-supermarkets u bejjiegħa oħra bl-imnut jistgħu jittikkettaw il-prodotti tagħhom bit-terminu organiku fil-każ biss fejn huma jikkonformaw mar-regoli.
Is-suq organiku u l-art għall-biedja organika
Is-suq tal-prodotti organiċi fl-UE qiegħed jikber b'mod kostanti u issa għandu valur ta' madwar €37.4 biljun fis-sena. Għalkemm l-art għall-biedja organika żdiedet tul is-snin, din tirrappreżenta biss 7.5% taż-żona agrikola totali. Id-differenza bejn id-domanda u l-produzzjoni hija koperta miż-żieda fl-importazzjoni.
Punti ewlenin tar-regoli l-ġodda
L-UE qiegħda taħdem fuq aġġornament tar-regoli eżistenti dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar b'reazzjoni għal bidliet maġġuri li qegħdin jittrasformaw is-settur. L-emendi proposti jinkludu:
Kontrolli aktar stretti: l-operaturi kollha tul il-katina tal-provvista tal-ikel (il-bdiewa, dawk li jrabbu l-annimali, il-proċessuri, il-kummerċjanti, l-importaturi) jiġu kkontrollati minn tal-inqas darba fis-sena.
Kompetizzjoni aktar ġusta: produtturi minn pajjiżi li mhumiex membri tal-UE li jridu jbigħu l-prodotti tagħhom fl-UE jeħtieġ li jikkonformaw mal-istess regoli li magħhom iridu jikkonformaw il-produtturi fl-UE.
Il-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni bil-pestiċidi: il-bdiewa jeħtiġilhom jieħdu miżuri ta' prekawzjoni biex tiġi evitata kontaminazzjoni aċċidentali b'fertilizzanti jew b'pestiċidi mhux awtorizzati. Prodott jitlef l-istatus organiku tiegħu jekk il-kontaminazzjoni hija minħabba frodi jew imġiba negliġenti. Il-pajjiżi tal-UE li jkollhom limiti għal sustanzi mhux awtorizzati f'ikel organiku jistgħu jkomplu japplikawhom, iżda dawn għandhom jippermettu ikel organiċi oħra minn pajjiżi oħra tal-UE fis-swieq tagħhom. Il-Kummissjoni Ewropea se tivvaluta r-regoli kontra l-kontaminazzjoni fl-2025.
Provvista aħjar ta' żrieragħ u annimali organiċi: bażi tad-data kompjuterizzata dwar id-disponibbiltà taż-żrieragħ u annimali organiċi se tkun stabbilita f'kull pajjiż tal-UE.
Azjendi agrikoli mħallta: il-bdiewa huma awtorizzati li jipproduċu prodotti konvenzjonali minbarra dawk organiċi, iżda jeħtieġ li jiġu separati b'mod ċar mill-attivitajiet agrikoli tagħhom.
Proċeduri ta' ċertifikazzjoni għal bdiewa żgħar se jsiru aktar faċli.
Prodotti ġodda bħal melħ, sufra u żjut essenzjali huma inklużi. Oħrajn jistgħu jiżdiedu aktar tard.
L-MEPs adottaw ir-regoli l-ġodda f'April 2018. F'Ottubru 2020, il-Parlament approva l-posponiment tal-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda b'sena – sal-1 ta' Jannar 2022 – biex il-bdiewa u l-awtoritajiet nazzjonali, imħabbtin bil-kriżi tal-COVID-19, jingħataw aktar żmien biex jaġġustaw.
Ara l-ħarsa ġenerali tagħna lejn kif l-UE ttejjeb is-saħħa pubblika.