It-tibdil fil-klima fl-Ewropa: fatti u ċifri  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

X'inhuma l-fatti dwar it-tibdil fil-klima? ©AP Images/European Union 2018 - EP  

Skopri l-fatti u l-istatistiċi ewlenin dwar it-tibdil fil-klima fl-Ewropa: l-impatt reġjonali, l-emittenti ewlenin, it-tnaqqis ta' gassijiet b'effett ta' serra u aktar.

It-tibdil fil-klima huwa kwistjoni globali, iżda kif qed jaffettwa lill-Ewropa? Skopri l-fatti u ċ-ċifri li jenfasizzaw aspetti differenti ta' din il-kwistjoni: il-kawżi, il-konsegwenzi u l-evoluzzjoni.

L-akbar emittenti ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-UE


L-UE hija t-tielet l-akbar emittent fid-dinja ta' gassijiet b'effett ta' serra wara ċ-Ċina u l-Istati Uniti u segwita mill-Indja, ir-Russja u l-Ġappun (2015).

Fl-UE, is-sitt emittenti ewlenin fl-2017 kienu l-Ġermanja, ir-Renju Unit, Franza, l-Italja, il-Polonja u Spanja. Is-settur tal-enerġija kien responsabbli għal 80.7% tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fl-UE fl-2017, filwaqt li l-industrija kienet responsabbli għal 8.7%, segwita mill-agrikoltura (8.72%), l-industrija (7.82%) u s-settur tal-iskart (2.75%).

Skopri aktar data fl-infografika tagħna dwar l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra fl-UE skont il-pajjiż u s-settur.

 

It-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-UE


Fl-2008, l-UE stabbiliet mira li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra b'20% sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Sar ħafna progress: fl-2015 diġà kien hemm tnaqqis ta' 22% meta mqabbel mal-livelli tal-1990.

Fl-2014, l-UE stabbiliet l-objettiv il-ġdid li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra b'tal-inqas 40% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, it-tnaqqis imbassar abbażi tas-sitwazzjoni attwali tal-miżuri tal-UE fl-2017 se jonqos milli jilħaq il-mira. Din tistma li se jkun hemm tnaqqis ta' madwar 30% fl-2030.

Ara l-infografika tagħna dwar il-progress tal-UE fl-għanijiet tal-2020 tagħha għat-tibdil fil-klima.

L-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-Ewropa


It-tibdil fil-klima diġà qed jaffettwa lill-Ewropa b'diversi modi, skont ir-reġjun. Dan jista', pereżempju, iwassal għat-telf tal-bijodiversità, għal nirien fil-foresti, għal tnaqqis fir-rendimenti tal-għelejjel u għal temperaturi ogħla. Jista' jaffettwa wkoll is-saħħa tan-nies. Pereżempju, in-nies jistgħu jmutu minħabba mewġiet ta' sħana.

Ara l-infografika tagħna biex tiskopri kif it-tibdil fil-klima qed jolqot reġjuni Ewropej differenti.