Il-progress tal-UE fl-għanijiet tagħha għat-tibdil fil-klima (infografika)

L-UE qabżet il-miri biex tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħha sal-2020. Ara l-infografika tagħna biex issir taf aktar.

Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija prijorità għall-UE. Hija impenjat ruħha għal sensiela ta' objettivi li jistgħu jitkejlu u ħadet diversi miżuri biex tnaqqas il-gassijiet serra. Xi progress sar s'issa?

L-għanijiet klimatiċi tal-UE għall-2020

Grafika li turi l-evoluzzjoni tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-UE bejn l-1990 u l-2020 u l-miri sal-2050
Grafika li turi l-evoluzzjoni tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-UE bejn l-1990 u l-2020 u l-miri sal-2050

Il-miri tal-UE għall-2020 ġew stabbiliti fil-pakkett dwar il-klima u l-enerġija adottat fl-2008. Wieħed mill-objettivi tiegħu kien tnaqqis ta' 20% fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Skopri l-gassijiet serra differenti u l-potenzjal tagħhom għat-tisħin globali.

Huwa stmat li l-emissjonijiet tal-UE fl-2020 kienu 31% inqas milli fl-1990, jiġifieri l-UE qabżet il-mira tagħha bi 11-il punt perċentwali. Id-data kkonfermata turi li l-emissjonijiet naqsu b'24% sal-2019 meta mqabbla mal-1990. Kien hemm tnaqqis kbir fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-UE bejn l-2019 u l-2020 u dan it-tnaqqis huwa marbut bil-qawwi mal-pandemija tal-COVID-19.

Madankollu, skont l-aħħar projezzjonijiet tal-Istati Membri bbażati fuq miżuri eżistenti, it-tnaqqis nett tal-emissjonijiet sal-2030 se jkun biss ta' madwar 41%. Il-mira tal-UE għall-2030 rigward l-emissjonijiet, kif stabbilita fil-liġi tal-UE dwar il-klima, hija li dawn jonqsu b'tal-inqas 55% meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Dalwaqt mistenni pakkett ta' leġiżlazzjoni ġdida u riveduta, magħruf bħala "Lesti għall-mira ta' 55%", bl-għan li jilħaq l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u li jagħmel mill-Ewropa kontinent newtrali għall-klima sal-2050.

Aktar fatti u ċifri dwar it-tibdil fil-klima fl-Ewropa.

Progress fis-setturi tal-enerġija u tal-industrija

Biex tilħaq il-mira tagħha għall-2020 imsemmija hawn fuq, l-UE qed tieħu azzjoni f'diversi oqsma. Waħda minnhom hija s-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) li tkopri l-emissjonijiet ta' gassijiet serra minn faċilitajiet fuq skala kbira fis-setturi tal-enerġija u tal-industrija, kif ukoll mis-settur tal-avjazzjoni, li jikkaġuna madwar 40% tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra totali tal-UE.

Bejn l-2005 u l-2020, l-emissjonijiet mill-impjanti tal-enerġija u mill-fabbriki koperti mis-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet naqsu b'40%. Dan huwa ferm aktar mit-tnaqqis ta' 23% stabbilit bħala l-mira għall-2020.


Status għall-miri nazzjonali

Biex inaqqsu l-emissjonijiet minn setturi oħra (l-akkomodazzjoni, l-agrikoltura, l-iskart, it-trasport, iżda mhux l-avjazzjoni), il-pajjiżi tal-UE stabbilew miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-ambitu tad-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi. L-emissjonijiet mis-setturi koperti mill-miri nazzjonali kienu 15% aktar baxxi fl-2020 milli kienu fl-2005 u b'hekk qabżu l-mira għall-2020 li jkun hemm tnaqqis ta' 10%.

It-tnaqqis kien primarjament dovut għal titjib fl-effiċjenza enerġetika u għall-bidla lejn fjuwils li jużaw inqas karbonju. Għall-kuntrarju ta' dan, l-emissjonijiet mit-trasport żdiedu kull sena sal-bidu tal-pandemija tal-COVID-19.

Infografika li turi l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-pajjiżi tal-UE fl-2005 u l-2019 u li tqabbel il-progress li sar lejn il-mira ta' tnaqqis għall-2020
Infografika li turi l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-pajjiżi tal-UE fl-2005 u l-2019

Il-miri nazzjonali rigward l-emissjonijiet għall-2020 kienu jvarjaw minn tnaqqis ta' 20% sal-2020 (meta mqabbla mal-livelli tal-2005) għall-aktar pajjiżi sinjuri għal żieda ta' 20% għall-anqas pajjiżi għonja.



Aktar infografika dwar it-tibdil fil-klima:

Ara artikli relatati