Il-progress tal-UE fl-għanijiet tagħha għat-tibdil fil-klima (infografika) 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-UE stabbiliet miri ambizzjużi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2020. Iċċekkja l-infografiki tagħna biex issir taf dwar il-progress.

Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija prijorità ewlenija għall-UE. Hija impenjat ruħha għal objettivi numerati u ħadet diversi miżuri biex tnaqqas il-gassijiet b'effett ta' serra. Xi progress kisbet? X'jgħidulna l-fatti?

L-għanijiet klimatiċi 2020 li jridu jintlaħqu

Infografika  

Il-miri tal-UE għall-2020 ġew stabbiliti fil-pakkett dwar il-klima u l-enerġija adottat fl-2008. Wieħed mill-objettivi tiegħu huwa tnaqqis ta' 20% fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Sal-2018, l-ammont ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fl-UE kien naqas bi 23.2% meta mqabbel mal-livelli tal-1990. Dan ifisser li l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha għall-2020. Madankollu, skont l-aħħar projezzjonijiet tal-Istati Membri bbażati fuq miżuri eżistenti, it-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030 ikun biss ta' madwar 30%. Il-mira tal-emissjonijiet tal-UE għall-2030, stabbilita għall-2008, hija li jkun hemm tnaqqis ta' 40% meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u l-Parlament qed iħeġġeġ biex jistabbilixxi mira saħansitra aktar ambizzjuża ta' 55%.

F'Novembru 2019, il-Parlament iddikjara emerġenza klimatika fejn talab lill-Kummissjoni tintegra l-proposti kollha tagħha skont il-mira ta' 1,5°C li tillimita t-tisħin globali u tiżgura li l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra jitnaqqsu b'mod sinifikanti.


Bħala reazzjoni, il-Kummissjoni l-ġdida żvelat il-Patt Ekoloġiku Ewropew, pjan direzzjonali biex l-Ewropa ssir kontinent newtrali mil-lat tal-klima sal-2050.

Progress fis-setturi tal-enerġija u tal-industrija

Biex tintlaħaq il-mira tal-2020 imsemmija hawn fuq, l-UE qed tieħu azzjoni f'diversi oqsma.

Waħda minnhom hija l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (ETS) li tkopri l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra minn faċilitajiet fuq skala kbira fis-setturi tal-enerġija u tal-industrija, kif ukoll is-settur tal-avjazzjoni (madwar 40% tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra totali tal-UE).

Bejn l-2005 u l-2018, l-emissjonijiet mill-impjanti tal-enerġija u mill-fabbriki koperti mill-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS) naqsu b'29%. Dan huwa ferm aktar mit-tnaqqis ta' 23% stabbilit bħala l-mira tal-2020.

Status għall-miri nazzjonali

Biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn setturi oħra (l-akkomodazzjoni, l-agrikoltura, l-iskart, it-trasport – iżda mhux l-avjazzjoni), l-Istati Membri tal-UE stabbilixxew miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont id-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi. L-emissjonijiet mis-setturi koperti mill-miri nazzjonali kienu 11% aktar baxxi fl-2018 milli kienu fl-2005, li qabżu l-mira tal-2020 għal tnaqqis ta' 10%.

Infografika