Strateġija tal-UE biex jinqata' l-iskart tal-plastik: aktar riċiklaġġ, projbizzjoni fuq il-mikroplastik

L-UE trid li l-imballaġġ tal-plastik kollu jkun riċiklabbli sal-2030. Il-Membri tal-PE diġà qed jiddiskutu projbizzjoni fuq ċertu plastik li jintuża darba biss.

Il-plastik irħis u durabbli jintuża ħafna, iżda ż-żieda fil-popolarità tiegħu ġiet akkumpanjata minn ammonti dejjem jikbru ta' skart tal-plastik u skart fil-baħar, qagħda li qed taffettwa l-ambjent u s-saħħa tan-nies.

Kull sena jiġu ġġenerati madwar 26 miljun tunnellata ta' skart tal-plastik fl-UE. Anqas minn 30% minnhom jiġu rriċiklati, filwaqt li parti minnhom tiġi esportata lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE biex tiġi pproċessata. Il-bqija jintremew f'landfills, jiġu inċinerati, jew jispiċċaw fin-natura mingħajr ma jinġabru, inkluż fil-bajjiet jew fil-foresti, fix-xmajjar u fl-ibħra.

Fi sforz biex tindirizza t-tniġġis mill-plastik, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet strateġija dwar il-plastik bil-għan li tiżgura li sal-2030 kull biċċa imballaġġ tal-plastik tkun tista' terġa' tintuża jew tiġi rriċiklata, kif ukoll bil-għan li tnaqqas il-konsum tal-plastik li jintuża darba biss u l-użu tal-mikroplastik.

Riċiklaġġ tal-plastik

F'riżoluzzjoni adottata fit-13 ta' Settembru 2018, id-deputati Ewropej laqgħu bil-ferħ il-pjanijiet tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, appellaw għal projbizzjoni fuq il-mikroplastik miżjud intenzjonalment fil-kożmetiċi, fil-prodotti tal-kura personali, fid-deterġenti u fil-prodotti tat-tindif sal-2020, kif ukoll għal ammont minimu ta' kontenut riċiklat għal xi prodotti tal-plastik kif ukoll standards ta' kwalità għall-plastik riċiklat. Qed jipproponu wkoll li l-kumpaniji jirrilaxxaw anqas mikroplastik huma u jiffabbrikaw prodotti bħal tessuti, tajers, żebgħa u loqom tas-sigaretti.

Barra minn hekk, il-Membri tal-PE bħalissa qed jiddiskutu wkoll proposta biex jiġi pprojbit ċertu plastik li jintuża darba biss bħal pożati, platti u stikek tal-bżieżaq, kif ukoll biex il-kumpaniji tal-imballaġġ tal-prodotti jkunu obbligati jikkontribwixxu għall-ispejjeż tat-tindif tal-plastik mormi. Il-votazzjoni fil-plenarja dwar din il-proposta mistennija ssir f'Ottubru.

Tgħallem aktar dwar ir-rati ta' riċiklaġġ fl-UE.

Mikro-plastiks

Il-mikroplastiks huma partikoli żgħar ħafna (<5mm) ta' materjal tal-plastik. Jinstabu fi kwantitajiet dejjem jikbru fl-oċean, iżda wkoll fl-ikel u x-xorb.

Il-Membri tal-PE sejħu għal projbizzjoni fuq mikro-plastik miżjuda intenzjonalment fil-kożmetiċi, prodotti għall-kura personali, deterġenti u prodotti tat-tindif sal-2020. Huma pproponew ukoll normi aktar stretti għal prodotti bħal tessuti, tajers, żebgħa u butts tas-sigaretti sabiex jitnaqqas ir-rilaxx ta’ mikro -plastiks minnhom.

Tgħallem aktar dwar is-sorsi u l-effetti tal-mikro-plastik.

Plastik li jintuża darba

F'Diċembru 2018 il-leġiżlaturi tal-UE qablu li jipprojbixxu ċertu plastik li jintuża darba bħal pożati, platti u bsaten tal-bużżieqa, u li jeħtieġu li l-kumpaniji tal-ippakkjar tal-oġġetti jikkontribwixxu għall-ispiża tat-tindif tal-plastiks mormija.

Il-leġiżlazzjoni li tirrestrinġi l-boroż tal-plastik ħfief ġiet adottata mill-Parlament fl-2015.

Aktar dwar din il-projbizzjoni fl-artiklu tagħna: fatti ewlenin dwar il-plastik fl-oċean.