Strateġija tal-UE biex jinqata' l-iskart tal-plastik: aktar riċiklaġġ, projbizzjoni fuq il-mikroplastik  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-UE trid li l-imballaġġ tal-plastik kollu jkun riċiklabbli sal-2030. Il-Membri tal-PE diġà qed jiddiskutu projbizzjoni fuq ċertu plastik li jintuża darba biss.

Il-plastik irħis u durabbli jintuża ħafna, iżda ż-żieda fil-popolarità tiegħu ġiet akkumpanjata minn ammonti dejjem jikbru ta' skart tal-plastik u skart fil-baħar, qagħda li qed taffettwa l-ambjent u s-saħħa tan-nies.

Kull sena jiġu ġġenerati madwar 26 miljun tunnellata ta' skart tal-plastik fl-UE. Anqas minn 30% minnhom jiġu rriċiklati, filwaqt li parti minnhom tiġi esportata lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE biex tiġi pproċessata. Il-bqija jintremew f'landfills, jiġu inċinerati, jew jispiċċaw fin-natura mingħajr ma jinġabru, inkluż fil-bajjiet jew fil-foresti, fix-xmajjar u fl-ibħra.

Fi sforz biex tindirizza t-tniġġis mill-plastik, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet strateġija dwar il-plastik bil-għan li tiżgura li sal-2030 kull biċċa imballaġġ tal-plastik tkun tista' terġa' tintuża jew tiġi rriċiklata, kif ukoll bil-għan li tnaqqas il-konsum tal-plastik li jintuża darba biss u l-użu tal-mikroplastik.

Il-mikroplastik  
  • •jirreferi għal partikoli żgħar ħafna (<5 mm) ta' materjal tal-plastik  
  • jista' jifforma b'mod mhux intenzjonat permezz tat-tkagħbir bl-użu ta' biċċiet akbar ta' plastik bħal tessuti sintetiċi  
  • jew jista' jiġi mmanifatturat deliberatament u miżjud intenzjonalment ma' prodotti bħal kożmetiċi li jitlaħalħu (pereżempju scrubs tal-wiċċ jew tal-ġisem).  

F'riżoluzzjoni adottata fit-13 ta' Settembru 2018, id-deputati Ewropej laqgħu bil-ferħ il-pjanijiet tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, appellaw għal projbizzjoni fuq il-mikroplastik miżjud intenzjonalment fil-kożmetiċi, fil-prodotti tal-kura personali, fid-deterġenti u fil-prodotti tat-tindif sal-2020, kif ukoll għal ammont minimu ta' kontenut riċiklat għal xi prodotti tal-plastik kif ukoll standards ta' kwalità għall-plastik riċiklat. Qed jipproponu wkoll li l-kumpaniji jirrilaxxaw anqas mikroplastik huma u jiffabbrikaw prodotti bħal tessuti, tajers, żebgħa u loqom tas-sigaretti.

Il-Membru Belġjan Mark Demesmaeker, li jagħmel parti mill-grupp ECR, huwa inkarigat mit-tmexxija tal-istrateġija fil-Parlament. Huwa qal li wasal iż-żmien li l-UE taġixxi: "Sa issa konna qed nesternalizzaw il-problemi tal-iskart tal-plastik tagħna lejn pajjiżi bħaċ-Ċina u ċ-Ċina reċentement iddeċidiet li tipprojbixxi l-importazzjonijiet kollha tal-iskart tal-plastik mill-UE; allura issa rridu naġixxu, irridu ninnovaw, irridu ninvestu."

Barra minn hekk, il-Membri tal-PE bħalissa qed jiddiskutu wkoll proposta biex jiġi pprojbit ċertu plastik li jintuża darba biss bħal pożati, platti u stikek tal-bżieżaq, kif ukoll biex il-kumpaniji tal-imballaġġ tal-prodotti jkunu obbligati jikkontribwixxu għall-ispejjeż tat-tindif tal-plastik mormi. Il-votazzjoni fil-plenarja dwar din il-proposta mistennija ssir f'Ottubru.