Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karozzi: spjegazzjoni tal-miri ġodda tas-CO2 għall-karozzi

Sabiex is-settur tat-trasport bit-triq isir newtrali għall-klima, l-UE qed tipprojbixxi l-bejgħ ta’ karozzi u vannijiet ġodda b’magni tal-kombustjoni mill-2035.

Għaliex il-ħtieġa

 

Il-karozzi u l-vannijiet jipproduċu madwar 15 % tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-UE, li jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima. It-trasport huwa l-uniku settur fejn l-emissjonijiet ta' gass serra għadhom ogħla milli kienu fl-1990.

 

L-issikkar tal-istandards tal-emissjonijiet tal-karozzi se jgħin biex jinkisbu l-objettivi klimatiċi tal-UE għall-2030 u l-konsumaturi se jiffrankaw fuq il-kontijiet tagħhom tal-fjuwil.

 

Is-sitwazzjoni attwali

 

Skont data reċenti, l-emissjonijiet medji minn karozzi ġodda żdiedet għal 118,5 g CO2/km is-sena l-oħra wara tnaqqis stabbli matul l-aħħar snin. Skont ir-regoli attwali, il-karozza l-ġdida medja m'għandhiex tarmi aktar minn 95 g/km sal-2021.

 

L-għadd ta' karozzi elettriċi qed jikber b'rata mgħaġġla, iżda għadhom jiffurmaw inqas minn 1,5 % tar-reġistrazzjonijiet ġodda.

 

Skopri aktar fatti u ċifri dwar l-emissjonijiet tal-karozzi 

 

Miri ġodda

 

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tistabbilixxi t-triq lejn żero emissjonijiet ta’ CO2 għal karozzi ġodda tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief fl-2035. Il-miri intermedji ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 huma stabbiliti għal 55 % għall-karozzi u 50 % għall-vannijiet.

 

Il-miri huma espressi f'perċentwali għaliex l-istandard ta' 95 g/km se jkollu jiġi kkalkulat mill-ġdid skont it-test tal-emissjonijiet il-ġdid aktar rigoruż li jirrifletti aħjar il-kundizzjonijiet reali tas-sewqan.

 

Il-leġiżlazzjoni riveduta għandha tgħin lill-Ewropej billi tuża vetturi b'emissjonijiet żero ta' CO2 b'mod aktar wiesa' - kwalità tal-arja aħjar, l-iffrankar tal-enerġija u spejjeż aktar baxxi għas-sjieda ta' vettura - u tistimula l-innovazzjoni f'teknoloġiji b'emissjonijiet żero.

 

Il-Parlament u l-pajjiżi tal-UE laħqu ftehim dwar il-forma finali tar-regoli f’Ottubru 2022. Dan ġie approvat mill-Parlament fi Frar 2023 u adottat mill-Kunsill f’Marzu 2023. Il-leġiżlazzjoni daħlet fis-seħħ f’April 2023.

 

Barra minn hekk, l-UE qed tippjana li tipprevedi aktar stazzjonijiet tal-iċċarġjar elettriku u tar-riforniment tal-idroġenu fit-toroq ewlenin. F’Lulju 2023, il-Parlament adotta regoli ġodda biex jiġu varati gruppi ta’ ċċarġjar elettriċi għall-karozzi darba kull 60 kilometru tul it-toroq ewlenin sal-2026, kif ukoll stazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu mill-inqas kull 200 kilometru sal-2031. Ir-regoli għandhom jiġu approvati mill-Kunsill, qabel ma jidħlu fis-seħħ.


 

Aktar dwar l-emissjonijiet tat-trasport

 


Lesti għall-mira ta' 55 %: Innaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi u l-vannijiet