Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karozzi: spjegati miri ġodda tas-CO2 għall-karozzi
Biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karozzi, fit-3 ta' Ottubru l-MEPs ipproponew limiti aktar stretti tas-CO2 għall-karozzi u mira ġdida għall-karozzi elettriċi. Dawn huma l-pjanijiet.
Għaliex il-ħtieġa
Il-karozzi u l-vannijiet jipproduċu madwar 15 % tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-UE, li jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima. It-trasport huwa l-uniku settur fejn l-emissjonijiet ta' gass serra għadhom ogħla milli kienu fl-1990.
L-issikkar tal-istandards tal-emissjonijiet tal-karozzi se jgħin biex jinkisbu l-objettivi klimatiċi tal-UE għall-2030 u l-konsumaturi se jiffrankaw fuq il-kontijiet tagħhom tal-fjuwil.
Is-sitwazzjoni attwali
Skont data reċenti, l-emissjonijiet medji minn karozzi ġodda żdiedet għal 118,5 g CO2/km is-sena l-oħra wara tnaqqis stabbli matul l-aħħar snin. Skont ir-regoli attwali, il-karozza l-ġdida medja m'għandhiex tarmi aktar minn 95 g/km sal-2021.
L-għadd ta' karozzi elettriċi qed jikber b'rata mgħaġġla, iżda għadhom jiffurmaw inqas minn 1,5 % tar-reġistrazzjonijiet ġodda.
X'qed jiġi propost
Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li tnaqqas il-limitu tal-2021 għall-emissjonijiet bi 15 % mill-2025 u bi 30 % mill-2030. Il-miri l-ġodda huma espressi f'perċentwali minħabba li l-istandard ta' 95 g/km se jkollu jiġi kkalkulat mill-ġdid skont it-test il-ġdid aktar rigoruż tal-emissjonijiet li jirrifletti aħjar il-kundizzjonijiet reali tas-sewqan.
F'vot plenarju fit-3 ta' Ottubru, l-MEPs qalu li l-emissjonijiet għandhom jitnaqqsu b'20 % u b'40 % rispettivament, filwaqt li 35 % tal-karozzi l-ġodda mibjugħa mill-2030 għandhom ikunu elettriċi jew ibridi. Huma appellaw ukoll għal miżuri tal-UE biex itaffu l-bidla tal-industrija tal-karozzi għal karozzi aktar nodfa ħalli jgħinu jipproteġu l-impjiegi u jappoġġjaw il-produzzjoni ta' batteriji tal-karozzi elettriċi fl-Ewropa.
Il-passi li jmiss
Il-proposti adottati fil-plenarja jiffurmaw il-bażi tan-negozjati tal-Parlament mal-Kunsill fuq il-miri finali.