Il-plastik fl-oċeani: il-fatti, l-effetti u r-regoli l-ġodda tal-UE 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-iskart tal-plastik fl-oċeani tagħna joħloq riskju ambjentali © AP Images/Unjoni Ewropea-PE  

Skopri l-fatti u l-effetti ewlenin dwar il-plastik fl-oċeani permezz tal-infografika tagħna, u x'qed tagħmel l-UE biex tnaqqas l-iskart tal-plastik fl-ibħra.

Ir-riżultati tal-kultura tal-plastik li jintuża darba biss u jintrema, nistgħu narawhom fuq ix-xtut tal-ibħra u l-oċeani madwarna. Kulma jmur, l-iskart tal-plastik qed iniġġes dejjem aktar l-oċeani, u skont stima, sal-2050 l-oċeani jista' jkun fihom aktar plastik milli ħut f'termini ta' piż.

Ir-regoli l-ġodda tal-UE, li ġew approvati fis-sessjoni plenarja tas-27 ta' Marzu, jindirizzaw 10 prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u li spiss jinstabu fuq ix-xtut Ewropej, kif ukoll l-irkaptu tas-sajd mitluf. Flimkien, dawn iż-żewġ gruppi jammontaw għal 70% tal-iskart fil-baħar.

Infografika dwar il-fatti u l-kwistjonijiet ewlenin ikkawżati mill-iskart tal-plastik fl-oċeani  

Il-problema:

Il-plastik mhux biss iħammeġ ix-xtut tagħna, iżda wkoll jagħmel ħsara lill-annimali tal-baħar li jitħabblu f'biċċiet kbar u jitfixklu l-biċċiet żgħar ma' ikel. L-inġestjoni ta' partiċelli tal-plastik tista' żżommhom milli jiddiġerixxu l-ikel normali u jistgħu jattiraw sustanzi kimiċi tossiċi lejn l-organiżmi tagħhom.

Il-bniedem jiekol il-plastik mill-katina tal-provvista tal-ikel. L-effett fuq is-saħħa għadu mhux magħruf.

L-iskart fil-baħar jikkawża telf ekonomiku għal setturi u komunitajiet li jiddependu mill-baħar iżda wkoll għall-manifatturi: madwar 5% biss tal-valur tal-imballaġġ tal-plastik jibqa'

Infografika dwar it-tip ta' skart tal-plastik u skart mhux tal-plastik fil-baħar  

X'jeħtieġ li jsir?

L-aktar mod effettiv biex tiġi indirizzata l-problema huwa li jiġi evitat li aktar plastik jispiċċa fl-oċeani.

L-oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss huma l-akbar grupp ta' skart li jinsab fuq ix-xtut tagħna: prodotti bħal pożati tal-plastik, fliexken tax-xorb, loqom tas-sigaretti jew cotton buds jammontaw għal kważi nofs l-iskart fil-baħar.


Lista tal-aktar 10 oġġetti tal-plastik li jinstabu fuq il-bajjiet  

Projbizzjoni sħiħa fuq oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss u li għalihom hemm diġà alternattivi: cotton buds, pożati, platti, straws, stirrers tax-xorb u stikek tal-bżieżaq. Ma' din il-lista l-MEPs żiedu wkoll prodotti tal-plastik ossodegradabbli u l-kontejners tal-fast food magħmula mill-polistiren.

Għall-bqija, ġiet approvata firxa ta' miżuri oħra:

  • Responsabbiltà estiża tal-produttur b'mod partikolari għal kumpaniji tat-tabakk, biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas. Din ir-regola ġdida se tapplika wkoll għall-irkaptu tas-sajd, biex ikun żgurat li l-manifatturi, u mhux is-sajjieda, isofru l-ispejjeż biex jinġabru x-xbieki mitlufa fil-baħar.
  • Mira tal-ġbir ta' 90% tal-fliexken tax-xorb sal-2025 (pereżempju permezz ta' sistemi ta' flus lura tad-depożitu)
  • Mira ta' 25% għall-kontenut riċiklat fi fliexken tal-plastik sal-2025 u 30% sal-2030
  • Rekwiżiti tat-tikkettar għal prodotti tat-tabakk bil-filtru, tazzi tal-plastik, assorbenti sanitarji u wet wipes biex iwissu lill-utenti jarmuhom kif suppost
  • Kuxjenza u sensibilizzazzjoni