Il-mikroplastik: sorsi, effetti u soluzzjonijiet

Minn fejn ġej il-mikroplastik u x'inhuma l-effetti tiegħu? Skopri fatti ewlenin dwar il-mikroplastik u sir af x'soluzzjonijiet qed taħdem fuqhom l-UE.

X'inhu l-mikroplastik u minn fejn hu ġej?

Il-mikroplastik jikkonsisti minn biċċiet żgħar ħafna ta' materjal tal-plastik tipikament iżgħar minn ħames millimetri. Jista' jinqasam f'żewġ kategoriji ewlenin skont is-sors tiegħu:

Mikroplastik primarju

  • Rilaxxat direttament fl-ambjent bħala partikoli żgħar
  • Huwa stmat li jirrappreżenta bejn 15 u 31% tal-mikroplastik fl-oċeani
  • Sorsi ewlenin: ħasil ta' ħwejjeġ sintetiċi (35% tal-mikroplastik primarju); brix ta' tajers minħabba s-sewqan (28%); mikroplastik miżjud intenzjonalment fi prodotti tal-kura personali, pereżempju mikrożibeġ fi scrubs tal-wiċċ (2%)

Mikroplastik sekondarju

  • Joriġina minn degradazzjoni ta' oġġetti tal-plastik akbar, bħal boroż tal-plastik, fliexken jew xbieki tas-sajd
  • Jirrappreżenta bejn 69 u 81% tal-mikroplastik li nsibu fl-oċeani

X'inhuma l-effetti tal-mikroplastik?

Il-mikroplastik jinsab fi kwantitajiet dejjem akbar fl-oċean. Skont in-NU, hemm mhux anqas minn 51 triljun partiċella ta' mikroplastik fl-ibħra, 500 darba aktar milli hemm kwiekeb fil-galassja tagħna.

Il-mikroplastik li jinsab fil-baħar jista' jinbela' mill-annimali tal-baħar. Il-plastik imbagħad jakkumula u jista' jispiċċa fil-bnedmin permezz tal-katina tal-ikel.

Instab fl-ikel u fix-xorb, inkluż fil-birra, fl-għasel u fl-ilma tal-vit. Mhijiex ħaġa tal-għaġeb li partiċelli tal-plastik dan l-aħħar ġew skoperti wkoll fl-ippurgar tal-bnedmin.

S'issa, l-effett fuq is-saħħa tal-bniedem għadu mhux magħruf, iżda l-plastik ta' spiss ikun fih addittivi, bħal stabilizzaturi jew ritardanti tal-fjammi, u sustanzi kimiċi oħra possibbilment tossiċi li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-annimali jew il-bnedmin li jibilgħuhom.

Microplastic illustration image
Mikroplastik

X'inhuma s-soluzzjonijiet li qed taħdem fuqhom l-UE?

F'Settembru 2018, il-Membri tal-Parlament Ewropew approvaw strateġija dwar il-plastik li għandha l-għan li żżid ir-rata ta' riċiklaġġ tal-iskart tal-plastik fl-UE. Barra minn hekk, stiednu lill-Kummissjoni Ewropea tintroduċi projbizzjoni fl-UE kollha fuq mikroplastik miżjud intenzjonalment fi prodotti bħal kożmetiċi u deterġenti sal-2020 u tieħu miżuri biex jiġi minimizzat ir-rilaxx ta' mikroplastik minn tessuti, tajers, żebgħa u loqom tas-sigaretti.

F'Ottubru 2018, il-Parlament appoġġja projbizzjoni tal-UE fuq ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, li jinsabu b'mod mifrux fl-ibħra u li diġà għandhom sostituti disponibbli mhux tal-plastik. Id-deputati Ewropej żiedu l-plastik ossodegradabbli mal-lista ta' oġġetti li għandhom jiġu pprojbiti. Il-plastik ossodegradabbli huwa plastik konvenzjonali li jitfarrak faċilment f'biċċiet żgħar minħabba l-addittivi u jikkontribwixxi għat-tniġġis mill-mikroplastik fl-oċeani.

Fl-2015, il-Parlament ivvota favur restrizzjoni tal-basktijiet tal-plastik ħfief fl-UE.

gs in the EU.