L-iskart u r-riċiklaġġ tal-plastik fl-UE: fatti u ċifri  

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Kważi terz tal-iskart tal-plastik fl-Ewropa jiġi riċiklat. Skopri aktar fatti u ċifri dwar l-iskart tal-plastik u r-riċiklaġġ tiegħu fl-UE permezz tal-infografika tagħna.

Fatti u ċifri dwar l-iskart tal-plastik u r-riċiklaġġ tiegħu fl-UE  

Il-produzzjoni tal-plastik żdiedet b'mod esponenzjali fi ftit għexieren ta' snin - minn 1.5 miljun tunnellata fl-1950 għal 359 miljun tunnellata fl-2018 fid-dinja kollha - u magħha, żdied l-ammont ta' skart tal-plastik. Wara tnaqqis qawwi fil-produzzjoni fl-ewwel nofs tal-2020 minħabba l-Covid-19, il-produzzjoni reġgħet irkuprat fit-tieni nofs tas-sena.

L-UE diġà ħadet miżuri biex tnaqqas l-ammont ta' skart tal-plastik, iżda x'jiġri mill-iskart li jiġi ġġenerat minkejja l-isforzi kollha? U kif jistgħu jiżdiedu r-rati ta' riċiklaġġ tal-plastik?

Ara l-azzjonijiet tal-UE dwar l-iskart tal-plastik

It-trattament tal-iskart tal-plastik fl-Ewropa

Fl-Ewropa, l-irkupru tal-enerġija huwa l-mod l-aktar użat biex jintrema l-iskart tal-plastik, segwit mir-riċiklaġġ. Madwar 25 % tal-iskart kollu tal-plastik iġġenerat jintrema fil-landfills.

Nofs il-plastik miġbur għar-riċiklaġġ jiġi esportat biex jiġi ttrattat f'pajjiżi barra mill-UE. Ir-raġunijiet għall-esportazzjoni jinkludu nuqqas ta' kapaċità, teknoloġija jew riżorsi finanzjarji biex l-iskart jiġi ttrattat lokalment. L-esportazzjonijiet tal-UE tal-iskart lejn pajjiżi mhux tal-UE laħqu 32.7 miljun tunnellata fl-2020. Il-biċċa l-kbira tal-iskart jikkonsisti f'ruttam tal-metall ferruż u mhux ferruż kif ukoll skart tal-karta, plastik, tessuti u ħġieġ u jmur prinċipalment lejn it-Turkija, l-Indja u l-Eġittu.

Qabel, sehem sinifikanti mill-iskart tal-plastik esportat kien jiġi ttrasportat lejn iċ-Ċina, iżda minħabba restrizzjonijiet riċenti fuq l-importazzjonijiet tal-iskart tal-plastik fiċ-Ċina x'aktarx li se jkomplu jonqsu l-esportazzjonijiet tal-UE. Dan joħloq ir-riskju ta' aktar inċinerazzjoni u rimi ta' skart tal-plastik f'landfills fl-Ewropa. Sadanittant, l-UE qed tipprova ssib modi ċirkolari u li ma jagħmlux ħsara lill-klima biex timmaniġġja l-iskart tal-plastik tagħha.

Is-sehem żgħir ta' riċiklaġġ tal-plastik fl-UE jfisser telf kbir għall-ekonomija kif ukoll għall-ambjent. Huwa stmat li 95% tal-valur tal-materjal tal-imballaġġ tal-plastik jintilef mill-ekonomija wara ċiklu ta' użu ta' darba qasir.

Ir-riċerkaturi jistmaw li globalment, fl-2019, il-produzzjoni u l-inċinerazzjoni tal-plastik ippumpjaw aktar minn 850 miljun tunnellata ta' gassijiet serra fl-atmosfera. Sal-2050, dawk l-emissjonijiet jistgħu jiżdiedu għal 2.8 biljun tunnellata, li parti minnhom tista' tiġi evitata permezz ta' riċiklaġġ aħjar.

Aqra aktar dwar l-immaniġġjar tal-iskart fl-UE

Il-problemi involuti fir-riċiklaġġ tal-plastik

Il-kwistjonijiet ewlenin li jikkumplikaw ir-riċiklaġġ tal-plastik huma l-kwalità u l-prezz tal-prodott riċiklat, meta mqabbla ma' dawk tal-kontroparti mhux riċiklata tagħhom. Il-proċessuri tal-plastik jirrikjedu kwantitajiet kbar ta' plastik riċiklat, manifatturati skont speċifikazzjonijiet ikkontrollati b'mod strett u bi prezz kompetittiv.

Madankollu, peress li l-plastik jiġi adattat faċilment għall-ħtiġijiet (funzjonali jew estetiċi) ta' kull manifattur, id-diversità tal-materja prima tikkomplika l-proċess tar-riċiklaġġ, u b'hekk tagħmlu għali u taffettwa l-kwalità tal-prodott finali. B'konsegwenza ta' dan, id-domanda għall-plastik riċiklat qed tikber b'rata mgħaġġla, għalkemm fl-2018 kienet tirrappreżenta biss 6% tad-domanda għall-plastik fl-Ewropa.

Is-soluzzjonijiet tal-UE biex iżżid ir-rati ta' riċiklaġġ

F'Ġunju 2019, l-UE adottat regoli ġodda biex timmira l-kwistjoni tal-iskart tal-plastik fil-baħar, billi introduċiet serje ta' miżuri rigward l-aktar 10 plastiks komuni li jintużaw darba biss li jinsabu fuq il-bajjiet Ewropej, kif ukoll bħala rkaptu tas-sajd. Tinkludi mira ta' 25% għal kontenut riċiklat fi fliexken tal-plastik sal-2025 u 30% sal-2030.

F'Novembru 2022, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda għall-UE kollha dwar l-imballaġġ, inklużi proposti biex jittejjeb id-disinn tal-imballaġġ, bħal tikkettar ċar, biex jiġu promossi l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, kif ukoll sejħiet għal tranżizzjoni għal plastiks b'bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli.

Sir af aktar dwar kif l-UE trid tikseb ekonomija ċirkolari sal-2050

Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku, 55% tal-iskart li jiġi mill-imballaġġ tal-plastik għandu jibda jiġi riċiklat sal-2030. Dan jimplika disinn aktar adatt għar-riċiklabbiltà, iżda l-Membri tal-PE jemmnu li hemm bżonn ukoll ta' miżuri li jistimulaw is-suq għall-plastik riċiklat.

Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu:

  • Il-ħolqien ta' standards tal-kwalità għall-plastik sekondarju
  • It-tħeġġiġ għal ċertifikazzjoni sabiex tiżdied il-fiduċja kemm tal-industrija kif ukoll tal-konsumaturi
  • L-introduzzjoni ta' regoli obbligatorji dwar il-kontenut minimu ta' materjal riċiklat f'ċerti prodotti
  • It-tħeġġiġ biex l-Istati Membri jqisu li jnaqqsu l-VAT fuq il-prodotti riċiklati.


Il-Parlament Ewropew appoġġja wkoll, fl-2015, ir-restrizzjoni tal-basktijiet tal-plastik ħfief fl-UE.

Il-Membri tal-PE stiednu wkoll lill-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni kontra l-mikroplastik.

F'Jannar 2023, il-Parlament ivvota dwar il-pożizzjoni tiegħu rigward ir-regoli tal-vjeġġ tal-iskart li għandhom l-għan li jippromwovu l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, u jnaqqsu t-tniġġis. Il-MPE jinsistu li l-esportazzjonijiet tal-iskart tal-plastik lejn pajjiżi mhux tal-OECD għandhom jiġu pprojbiti u l-vjeġġi lejn il-pajjiżi tal-OECD għandhom jinqatgħu gradwalment fi żmien 4 snin.

©AP images/European Union -EP