Il-benessri tal-annimali: il-Parlament irid protezzjoni aħjar tal-annimali ttrasportati  

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-vjaġġi twal iġibu stress u tbatija għall-annimali tar-razzett. L-MEPs iridu kontroll aktar strett, penali eħrex u ħin ta' vjaġġar iqsar biex jiżdied il-benessri tal-annimali fl-UE kollha

Kull sena, miljuni ta' annimali jiġu ttrasportati fuq distanzi twal madwar l-UE u lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE għal raġunijiet ta' tnissil, trobbija jew tbiċċir, kif ukoll minħabba l-parteċipazzjoni f'kompetizzjonijiet u l-kummerċ tal-annimali domestiċi. Mill-2009 sal-2015, l-għadd ta' annimali ttrasportati fi ħdan l-UE żdied bi 19 % - minn 1,252.1 miljun għal 1,492.8 miljun. L-għadd ta' ħnieżer, tjur u żwiemel ittrasportati żdied, filwaqt li dak tal-bhejjem tal-ifrat, in-nagħaġ u l-mogħoż naqas. Matul l-istess perjodu, l-għadd ta' kunsinni ta' annimali ħajjin fl-UE żdied minn madwar 400,000 għal 430,000 fis-sena.

Minkejja li jeżisturegoli tal-UE għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali, fil-plenarja tal-14 ta' Frar ġiet ivvutata riżoluzzjoni li tħeġġeġ infurzar aħjar, sanzjonijiet u ħinijiet tal-ivvjaġġar imnaqqsa.

Tnaqqis fil-ħinijiet tal-ivvjaġġar

Il-vjaġġi twal huma ta' stress għall-annimali, li jkollhom isofru nuqqas ta' spazju, temperaturi li jinbidlu, ikel u ilma limitati u ċaqliq tal-vettura. Tagħmir mhux adegwat jew kundizzjonijiet ħżiena tat-temp jafu jfissru li l-annimali jkorru jew jimirdu matul it-trasport. Il-qsim ta' fruntieri lejn pajjiżi terzi, b'waqfiet twal biex jiġu vverifikati d-dokumenti, il-vetturi u l-annimali, jirrappreżenta problema addizzjonali.

Annimali ttrasportati għal aktar minn 8 siegħat fl-UE kull sena 
  • 4 miljun bhima tal-ifrat 
  • 28 miljun ħanżir 
  • 4 miljun nagħġa 
  • 243 miljun tajra 
  • 150,000 żiemel 

Il-Membri tal-PE jargumentaw li l-vjaġġi li jdumu aktar minn 8 siegħat għandhom jitnaqqsu kemm jista' jkun, filwaqt li jissuġġerixxu soluzzjonijiet alternattivi, bħat-trasport tal-prodotti tal-annimali aktar milli tal-annimali ħajjin u l-iżvilupp ta' faċilitajiet ta' tbiċċir u tal-ipproċessar tal-laħam li jkunu jinsabu fir-razzett stess jew li jkunu lokali.

Barra minn hekk, huma jitolbu li tiġi stabbilita definizzjoni ċara tal-idoneità tal-annimali għat-trasport biex jiġu evitati riskji ulterjuri.

Kontrolli aktar stretti u penali eħrex

Il-Membri tal-PE jirrakkomandaw l-użu ta' teknoloġiji moderni, bħas-sistemi ta' ġeolokazzjoni, għat-traċċar tal-vjaġġi f'ħin reali. Huma jħeġġu wkoll lill-Istati Membri biex iwettqu aktar verifiki fuq il-post biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-għadd ta' ksur. Il-livell ta' spezzjonijiet ivarja ħafna madwar l-UE, minn żero għal diversi miljuni ta' spezzjonijiet fis-sena. L-inċidenza tal-ksur tvarja minn 0 % għal 16.6 %.

Il-Parlament qed jinsisti wkoll favur pieni eħrex bħala skoraġġiment tal-prattiki ħżiena, inkluż l-użu ta' sanzjonijiet fuq il-pajjiżi tal-UE li ma japplikawx ir-regoli tal-UE b'mod xieraq. Il-kumpaniji li jiksru r-regoli jistgħu jaffaċċjaw projbizzjonijiet fuq vetturi u bastimenti inadegwati, irtirar tal-liċenzji tat-trasport u taħriġ obbligatorju tal-persunal dwar il-benessri tal-annimali.

Standards ogħla f'pajjiżi terzi

Biex jiġu protetti l-annimali esportati lejn pajjiżi terzi, il-Membri tal-PE jridu ftehimiet bilaterali jew projbizzjoni fuq it-trasport tal-annimali ħajjin meta l-istandards nazzjonali ma jkunux allinjati mad-dritt tal-UE. Iridu wkoll garanziji li jiġu pprovduti żoni xierqa ta' mistrieħ fejn l-annimali jistgħu jieklu u jixorbu fil-postijiet fejn jitwettqu l-kontroll doganali.


Il-passi li jmiss


Wara din ir-riżoluzzjoni, fil-bidu tal-leġiżlatura attwali ġie stabbilit kumitat ta' inkjesta dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport fl-UE u barra minnha.


Il-Kumitat sab nuqqasijiet sistemiċi fl-implimentazzjoni tar-regoli relatati mat-trasport tal-annimali fl-UE kollha. Ir-rapport tal-kumitat ġie vvutat f'sessjoni plenarja f'Jannar 2022.