Il-kannabis għall-użu mediku fl-Ewropa: L-MEPs iridu aktar riċerka

Il-Parlament Ewropew qed jappella għal politika mifruxa mal-UE kollha dwar il-kannabis għall-użu mediku u riċerka xjentifika ffinanzjata b'mod xieraq.

A macro photo of a marijuana leaves © CC0 Photo by Esteban Lopez on Unsplash
© CC0 Photo by Esteban Lopez on Unsplash

Ix-xenarju politiku għall-kannabis għall-użu mediku qed jevolvi fl-UE, peress lidiversi Stati Membri llegalizzaw l-użu mediku ta' xi forma ta' kannabis jew kannabinojdi jew qed iqisu tibdil fil-leġiżlazzjoni tagħhom.

Madankollu, liema prodotti huma permessi u r-regoli dwar l-użu tagħhom ivarjaw ħafna, għalkemm l-ebda pajjiż tal-UE ma jawtorizza t-tipjip jew it-tkabbir fid-djar tal-kannabis għal finijiet mediċi. Filwaqt li d-WHO uffiċjalment irrakkomandat li l-kompost tal-kannabis kannabidjol (CBD) m'għandux jiġi kklassifikat internazzjonalment bħala sustanza kkontrollata, ma hemm l-ebda armonizzazzjoni fil-livell tal-UE la għall-użu mediku u lanqas għall-użu rikreattiv tal-kannabis.

X'inhi l-Kannabis?

  • Il-pjanta tal-kannabis hija magħmula minn aktar minn 480 kompost li jinkludu aktar minn 100 kannabinojde, u l-aktar magħrufa huma t-THC (D9-tetraidrokannabinol) u l-kannabidjol (CBD).
  • esIt-THC huwa l-komponent ewlieni psikoattiv u li jikkawża dipendenza tal-kannabis; Is-CBD m'għandux proprjetajiet intossikanti jew li jikkawżaw dipendenza.
  • "L-użu mediku tal-kannabis u l-kannabinojdi" jista' jirreferi għal varjetà wiesgħa ta' preparazzjonijiet u prodotti sintetiċi u bbażati fuq il-pjanti.
  • Ħafna pajjiżi jużaw il-kelma Messikana "marijuana" b'referenza għall-weraq tal-kannabis. Il-pjanti femminili li mhumiex imdakkra jissejħu ħaxixa.

Skont l-MEPs, il-kannabis u l-kannabinojdi jista' jkollhom effetti terapewtiċi biex jistimulaw l-aptit (fil-każ tat-telf tal-piż marbut mal-AIDS) u biex itaffu s-sintomi tal-mard mentali jew l-epilessija, l-ażma, il-kanċer u l-marda ta' Alzheimer, pereżempju, iżda hemm bżonn ta' aktar riċerka. Jistgħu jtaffu wkoll l-uġigħ mestrwali u jnaqqsu r-riskji tal-obeżità u d-dijabete.

Nhar l-Erbgħa, 13 ta' Frar, il-Parlament Ewropewadotta riżoluzzjoni dwar l-użu tal-kannabis għal finijiet mediċi. Il-Membri


  • jitolbu definizzjoni legali tal-kannabis għall-użu mediku li tagħmel distinzjoni ċara bejn użu mediku u użi oħra
  • jgħidu li r-riċerka u l-innovazzjoni dwar il-kannabis għall-użu mediku għandhom jingħataw spinta u jiġu ffinanzjati b'mod xieraq
  • jgħidu li l-mediċini effettivi bbażati fuq il-kannabis għandhom ikunu koperti mill-iskemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa

Il-protezzjoni tal-minorenni u tal-gruppi vulnerabbli hija fundamentali

Skont l-MEPs, qafas legali stabbli u ċar ikollu impatt pożittiv fuq il-kwalità u t-tikkettar preċiż tas-sustanzi u jkun jiżgura aċċess sikur għall-pazjenti għall-użu mediċinali tas-sustanzi, filwaqt li jittieħdu prekawzjonijiet partikolari għaż-żgħażagħ u n-nisa tqal.

Skont ir-riżoluzzjoni, fil-livell tal-UE, regoli legali jgħinu jikkontrollaw il-punti tal-bejgħ u jillimitaw is-suq iswed u jgħinu jipprevjenu l-abbuż tas-sustanzi u d-dipendenza fuqhom fost il-minorenni u l-gruppi vulnerabbli.

Regoli komprensivi se jinkoraġġixxu għarfien aħjar dwar il-kannabis għall-użu mediku, billi jiġi żgurat taħriġ u aċċess għal-letteratura għall-professjonisti mediċi.