Il-futur ta' Erasmus+: aktar opportunitajiet

Minn baġit akbar għal aktar opportunitajiet għal persuni żvantaġġati. Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni qed jissuġġerixxi prijoritajiet ġodda għall-programm Erasmus+ li jmiss.

Baġit ġdid għal Erasmus+ biex ikabbar il-mobilità u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ

Fl-20 ta' Frar, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni tal-Parlament ivvota biex jappoġġa l-programm Erasmus+ li jmiss għall-2021–2027, iżda ssuġġerixxa wkoll miżuri biex isir aħjar. L-MEPs ipproponew li l-baġit jittriplika u li jiġi żgurat li jkun hemm aktar kofinanzjament u kooperazzjoni ma' programmi Ewropej oħra. Huma talbu wkoll l-introduzzjoni ta' ċentri ta' eċċellenza vokazzjonali, ċentri internazzjonali li jipprovdu taħriġ vokazzjonali ta' kwalità sabiex in-nies ikunu jistgħu jiżviluppaw ħiliet utli f'setturi ewlenin.

Il-Membri huma wkoll ħerqana li jaraw parteċipazzjoni akbar minn persuni żvantaġġati. L-appoġġ speċjali għandu jinkludi taħriġ fil-lingwa, appoġġ amministrattiv jew opportunitajiet ta' tagħlim elettroniku.

Fil-5 ta' Frar, il-Kumitat għall-Kultura vvota favur it-tkomplija tal-iskemi ta' mobilità eżistenti bejn ir-Renju Unit u l-UE f'każ li l-pajjiż jitlaq mingħajr ftehim.


X'inhu Erasmus+?

Erasmus+ huwa programm tal-UE li jappoġġa l-opportunitajiet għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport fl-Ewropa. Dan beda bħala programm ta' skambju tal-istudenti fl-1987, iżda mill-2014 'l hawn qed joffri wkoll opportunitajiet għall-għalliema, għat-trainees u għall-voluntiera ta' kull età.

Aktar minn disa' miljun persuna ħadu sehem fil-programm Erasmus+ matul dawn l-aħħar 30 sena u kważi 800 000 persuna bbenefikaw mill-programm fl-2017 biss. Il-programm attwalment ikopri 33 pajjiż (it-28 pajjiż tal-UE kollha kif ukoll it-Turkija, il-Maċedonja tat-Tramuntana, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein) u huwa miftuħ għall-pajjiżi sħab madwar id-dinja.

Skont il-Kummissjoni Ewropea, wieħed minn kull tliet trainees ta' Erasmus+ jiġi offrut impjieg mill-kumpanija li fiha jagħmel it-taħriġ. Barra minn hekk, ir-rata tal-qgħad taż-żgħażagħ li jistudjaw jew jitħarrġu barra minn pajjiżhom hi ta' 23 % aktar baxxa minn tal-pari li ma jiċċaqilqux minn pajjiżhom sa ħames snin wara l-gradwazzjoni.


Kif tapplika

Erasmus+ għandu opportunitajiet għall-persuni kif ukoll għall-organizzazzjonijiet minn madwar id-dinja kollha.

Il-proċedura u l-preparazzjoni tal-applikazzjoni jistgħu jvarjaw skont liema parti tal-programm inti tapplika għalih. Skopri aktar dwar dan hawnhekk.

Skopri aktar