In-nisa fil-Parlament Ewropew (infografika)  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

In-nisa għandu jkollhom rwol prominenti fil-politika, iżda kif imorru fil-Parlament Ewropew? Skopri permezz tal-infografika tagħna.

Filwaqt li l-Parlament Ewropew huwa favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, in-nisa għadhom inqas rappreżentati fil-politika u fil-ħajja pubblika fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew, kif jidher minn data reċenti.

Matul is-snin, il-perċentwal ta' Membri tal-Parlament Ewropew (Membri tal-PE) nisa żdied. Bejn l-1952 u l-ewwel elezzjonijiet tal-1979, kien hemm biss 31 mara li kienu membri. Fl-ewwel Parlament Ewropew elett dirett, ir-rappreżentanza tan-nisa kienet 15.2%. Il-perċentwal ta' membri nisa żdied ma' kull elezzjoni. Bħalissa, dan jinsab fl-ogħla livell storiku b'40.4% tal-Membri tal-PE li huma nisa.

Fejn tidħol ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Ewropew, dan il-perċentwal huwa ogħla mill-medja dinjija għall-parlamenti nazzjonali u ogħla mill-medja tal-UE għall-parlamenti nazzjonali.

L-għadd ta' nisa f'pożizzjonijiet ta' livell għoli fil-Parlament Ewropew qed jiżdied ukoll. F'din id-disa' leġiżlatura, tmienja mill-14-il viċi president huma nisa, kif ukoll 12 mit-22 president tal-kumitati. Din hija żieda mil-leġiżlatura ta' qabel fejn kellna ħames viċi presidenti nisa u 11-il president mara f'total ta' 23 kumitat.

In-nisa fl-ogħla karigi tal-UE

Għall-ewwel darba, il-President tal-Kummissjoni Ewropea se tkun mara. Qabel ma ġiet eletta fil-Parlament, Ursula von der Leyen iddikjarat li xtaqet li jkun hemm Kulleġġ ta' Kummissarji b'bilanċ bejn il-ġeneri u fil-fatt żammet il-wegħda tagħha. Fid-9 ta' Settembru, hija ppreżentat 12-il mara u 14-il raġel bħala nominati tal-kummissjoni.

It-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi għadu l-qasam fejn l-UE għandha l-inqas livell ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri u rappreżentanza femminili. L-irġiel għadhom jiddominaw il-banek ċentrali u l-ministeri tal-finanzi. Il-Parlament ilu jappella għal aktar nisa f'karigi ta' livell għoli fl-affarijiet ekonomiċi u monetarji. Għall-ewwel darba, jista' jkun li t-tmexxija tal-Bank Ċentrali Ewropew tkun f'idejn mara, bi Christine Lagarde nominata għal din il-pożizzjoni.