Aċċessibbiltà: nagħmlu l-prodotti u s-servizzi fl-UE aktar faċli biex jintużaw

L-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà għandu l-għan li jiżgura li aktar prodotti u servizzi jkunu aċċessibbli għall-anzjani u għall-persuni li jgħixu b'diżabbiltà. Ara l-filmat tagħna.

Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità: Aċċess aħjar għall-persuni b'diżabilità

Fl-14 ta' Marzu, il-Parlament approva r-regoli l-ġodda mmirati lejn it-titjib tal-ħajja ta' kuljum tal-anzjani u tal-persuni b'diżabbiltà madwar l-UE u lejn il-ħolqien ta' Ewropa aktar ġusta u aktar inklużiva. Il-ftehim xorta għad irid jiġi approvat mill-Kunsill qabel ma l-leġiżlazzjoni tkun tista' tidħol fis-seħħ.

Aktar prodotti u servizzi aċċessibbli

Aktar minn 80 miljun ruħ jgħixu b'diżabbiltà fl-UE u ħafna minnhom isibuha iebsa biex jużaw prodotti ta' kuljum, bħal smartphones, kompjuters u kotba elettroniċi, u jiltaqgħu ma' problemi biex jiksbu aċċess għal servizzi ewlenin permezz ta' magni għall-qtugħ tal-biljetti jew ATMs.

Il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (UNCRPD) tirrikjedi li l-UE u l-Istati Membri jiżguraw l-aċċessibbiltà. Huma meħtieġa miżuri fil-livell tal-UE biex jiġu stabbiliti rekwiżiti komuni ta' aċċessibbiltà għal prodotti u servizzi ewlenin.

L-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà jistabbilixxi standards għal prodotti u servizzi ewlenin:

  • magni għall-qtugħ tal-biljetti u ċ-check-in
  • ATMs u terminals oħra ta' ħlas
  • kompjuters u sistemi operattivi
  • smartphones, tablets u tagħmir tat-TV
  • aċċess għal servizzi tal-midja awdjoviżiva u kotba elettroniċi
  • kummerċ elettroniku
  • xi elementi tas-servizzi tat-trasport għall-passiġġieri
  • komunikazzjoni elettronika, inkluż in-numru tal-emerġenza 112

Opportunitajiet għan-negozji u l-konsumaturi

Jekk ikun hemm standards komuni fil-livell tal-UE, l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jiżviluppaw liġijiet differenti? Tkun aktar faċli u attraenti biex in-negozji jbigħu prodotti u servizzi aċċessibbli kemm fl-UE u kemm barra mill-UE.

Regoli ġodda jinkoraġġixxu l-kompetizzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi u jippromwovu l-moviment liberu ta' prodotti u servizzi aċċessibbli. Huwa mistenni li l-konsumaturi jingħataw aktar għażla ta' prodotti u servizzi aċċessibbli u li titnaqqas l-ispiża tagħhom.


Eżenzjonijiet għall-mikrointrapriżi

Minħabba d-daqs u r-riżorsi limitati tagħhom, japplikaw eżenzjonijiet għal xi mikrointrapriżi, li huma kumpaniji żgħar b'anqas minn 10 impjegati u b'fatturat jew karta bilanċjali annwali ta' anqas minn €2 miljun.

Madankollu, dawn il-kumpaniji se jkunu mħeġġa jimmanifatturaw u jqassmu prodotti u jipprovdu servizzi li jkunu konformi mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà tar-regoli l-ġodda.

Il-pajjiżi tal-UE se jkollhom jipprovdu linji gwida lil dawn il-mikrointrapriżi biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

Skopri aktar