Toroq aktar sikuri: miżuri ġodda tal-UE għat-tnaqqis tal-inċidenti tat-traffiku

Fis-16 ta' April il-Parlament approva miżuri ġodda biex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq u jitnaqqsu l-inċidenti.

A car crash accident ©AP images/European Union-EP
©AP images/European Union-EP

It-toroq tal-UE huma l-aktar sikuri fid-dinja b'medja ta' 49 mewta fit-toroq għal kull miljun abitant, meta mqabbel ma' 174 mewta għal kull miljun globalment. L-imwiet fit-toroq tal-UE naqsu b'aktar minn nofs fl-aħħar għoxrin sena, iżda l-aħħar ċifri juru li t-tnaqqis fir-rata ta' mwiet qed jistaġna, u li hemm bżonn ta' aktar sforzi biex titjieb is-sikurezza fit-toroq u jiġu salvati l-ħajjiet.

Ara l-infografika tagħna dwar l-imwiet fit-toroq tal-UE.

Ir-regoli l-ġodda biex it-tagħmir tas-sikurezza avvanzat isir obbligatorju fil-vetturi tat-triq ġodda kollha mibjugħa fis-suq tal-UE. X'aktarx li japplikaw minn Mejju 2022 għal mudelli ġodda u Mejju 2024 għall-mudelli eżistenti. Ir-regoli għandhom l-għan ukoll li jadattaw il-leġiżlazzjoni eżistenti biex tqis l-iżviluppi teknoloġiċi u x-xejriet soċjali, bħall-popolazzjoni li qed tixjieħ, kawżi ġodda ta' distrazzjoni għas-sewwieqa (speċjalment l-użu tal-apparat elettroniku waqt is-sewqan) u l-għadd dejjem jikber ta' ċiklisti u persuni mexjin fit-toroq tal-UE.


"L-Assistenza Intelliġenti tal-Veloċità se tipprovdi lis-sewwieqa b'feedback, abbażi ta' mapep u osservazzjoni tas-sinjali tat-toroq, kull meta jinqabeż il-limitu tal-veloċità. M'aħniex qed nintroduċu limitatur tal-veloċità, iżda sistema intelliġenti li se ġġib lis-sewwieqa konxji bis-sħiħ meta jkunu qed jaqbżu l-limitu tal-veloċità. Dan mhux biss joħolqilna lkoll aktar sikurezza, iżda jgħin ukoll lis-sewwieqa biex jevitaw ċitazzjonijiet ta' veloċità żejda"
Róża Thun - PPE/P

X'se jinbidel?

Il-vetturi l-ġodda kollha se jkollhom jinkludu madwar 30 teknoloġija li jsalvaw il-ħajja, inkluż:


  • Assistenza intelliġenti tal-veloċità biex is-sewwieq isir konxju meta jaqbeż il-limitu tal-veloċità
  • Twissija tal-ħedla u tal-attenzjoni tas-sewwieq
  • Twissija avvanzata tad-distrazzjoni tas-sewwieq sabiex tinżamm l-attenzjoni għas-sitwazzjoni tat-traffiku
  • Sinjal ta' waqfien ta' emerġenza fil-forma ta' dawl, li javża lill-utenti tat-toroq wara l-vettura li s-sewwieq qed jibbrejkja f'daqqa waħda.
  • Sistema ta' detezzjoni tal-irriversjar sabiex jiġu evitati ħabtiet ma' persuni u oġġetti wara l-vettura, bl-għajnuna ta' kamera jew skrin
  • Sistema ta' monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers li twissi lis-sewwieq meta jkun hemm telf ta' pressjoni
  • Faċilitazzjoni għall-installazzjoni tat-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol li tippermetti li jitwaħħal tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol wara l-bejgħ
  • Reġistratur tad-data f'każ ta' aċċident biex jirreġistra d-data rilevanti ftit qabel, matul u immedjatament wara inċident tat-traffiku.

Il-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfief se jkunu wkoll jeħtieġu sistema ta' emerġenza (diġà obbligatorja għat-trakkijiet u x-xarabanks) kif ukoll sistema ta' żamma ta' emerġenza. It-trakkijiet u x-xarabanks se jkunu obbligati jinkludu karatteristiċi ta' viżjoni diretta, li jippermettu lis-sewwieq jara lill-utenti tat-triq vulnerabbli, u sistemi ta' twissija li jidentifikaw il-preżenza ta' ċiklisti u persuni mexjin fil-qrib immedjat tal-vettura.

L-iżball uman huwa involut f'madwar 95 % tal-inċidenti kollha tat-traffiku fit-toroq u l-karatteristiċi ta' sikurezza obbligatorji huma mistennija li jnaqqsu drastikament l-għadd ta' mwiet fit-toroq


Il-passi li jmiss

Ir-regoli jridu jiġu approvati mill-Istati Membri qabel ma jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ.

Find out more

Road safety statistics