L-iżgurar ta' katina tal-provvista tal-ikel ġusta għall-parteċipanti żgħar

Bdiewa u negozji żgħar huma l-aktar parteċipanti vulnerabbli fil-katina tal-provvista tal-ikel. Biex jipproteġihom aħjar, il-PE approva regoli biex irażżan prattiki kummerċjali inġusti.

A close-up image of fresh strawberries in crates ©AP images/European Union-EP
©AP images/European Union-EP

Prattiki kummerċjali inġusti jseħħu fis-setturi kollha, iżda huma partikolarment problematiċi fil-katina tal-provvista tal-ikel,billi l-produtturi agrikoli jistgħu jitqiegħdu taħt pressjoni ekonomika żejda.

Nhar it-Tlieta (12/3), il-MPE ivvutaw dwardirettiva ġdida tal-UE li għandha l-għan li tiżgura trattament aktar ġust għall-bdiewa u għan-negozji tal-ikel żgħar u ta' daqs medju li huma vulnerabbli għat-trattament inġust mis-sħab kummerċjali kbar tagħhom, bħas-supermarkets jew il-bejjiegħa bl-imnut. Fornituri iżgħar ta' spiss ikollhom nuqqas ta' setgħa ta' negozjar f'negozjati ma' xerrejja kbar, u jaf ma ikollhomx xerrejja alternattivi.


X'inhuma l-prattiki kummerċjali inġusti?

  • Il-prattiki kummerċjali inġusti huma prattiki minn negozju għal negozju li jiddevjaw bil-kbir mill-imġiba kummerċjali korretta u huma l-kontra ta' bona fide u tranżazzjoni ġusta. Dawn huma tipikament imposti b'mod unilaterali, minn parti aktar b'saħħitha fuq waħda aktar dgħajfa.
  • Jistgħu jseħħu fl-istadji kollha tar-relazzjoni kuntrattwali: matul in-negozjati, matul l-implimentazzjoni tal-kuntratt jew fil-fażi postkuntrattwali.

L-impatt tal-prattiki kummerċjali inġusti

Prattiki kummerċjali inġusti jistgħu, fost affarijiet oħra

  • jheddu s-sopravivenza ta' produtturi żgħar tal-ikel
  • jiskoraġġixxu lin-negozji żgħar milli jinvestu fi prodotti u teknoloġiji ġodda jew milli jidħlu fi swieq ġodda
  • jiġġeneraw spejjeż mhux mistennija jew dħul anqas minn dak mistenni għas-sieħeb kummerċjali l-aktar dgħajjef
  • jwasslu għall-produzzjoni żejda u jikkawżaw ħela ta' ikel bla bżonn
Protezzjoni għal produtturi tal-ikel minn prattiki kummerċjali inġusti

X'se jinbidel?

Ir-regoli l-ġodda jistabbilixxu standards minimi ta' protezzjoni li jipprojbixxu prattiki inġusti speċifiċi. Dawn japplikaw għall-atturi kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel b'fatturat ta' inqas minn €350 miljun u jkopru l-produtturi, il-kooperattivi, il-proċessuri tal-ikel u l-bejjiegħa bl-imnut. Ir-regoli japplikaw ukoll għall-fornituri mhux tal-UE.

Ir-regoli se jipprojbixxu:

  • ħlasijiet tard għal ikel li jeħżien malajr
  • kanċellazzjonijiet tal-aħħar minuta
  • bidliet unilaterali jew retroattivi fil-kuntratti
  • sfurzar fuq il-fornitur biex iħallas għal prodotti moħlija
  • ċaħda ta' kuntratti bil-miktub

Prattiki oħra, bħar-ritorn ta' prodotti mhux mibjugħa lill-fornituri, se jkunu permessi biss jekk ikun hemm ftehim ċar minn qabel bejn iż-żewġ partijiet.

88%

Ta' dawk li wieġbu jqisu li t-tisħiħ tar-rwol tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel huwa importanti (Ewrobarometru 2018)

L-Istati Membri jeħtiġilhom jaħtru awtorità pubblika biex tinforza r-regoli l-ġodda, li tkun kompetenti biex twettaq investigazzjonijiet u timponi multi f'każ ta' ksur tar-regoli.

Il-parteċipanti tal-UE fil-katina tal-ikel

  • 11-Il miljun razzett
  • 300,000 proċessur
  • 2.8 miljun distributur u bejjiegħ bl-imnut
  • 500 miljun konsumatur

Il-passi li jmiss

Ir-regoli l-ġodda jridu jiġu approvati formalment mill-Kunsill qabel jidħlu fis-seħħ. L-Istati Membri għandhom sentejn biex jimplimentawhom fil-liġi nazzjonali.