L-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi: fatti u ċifri (infografika) 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Qatt staqsejt lilek innifsek kemm CO2 jarmu fl-arja l-karozzi? U jekk il-vetturi elettriċi humiex tassew alternattiva aktar nadifa? Ara l-infografika tagħna biex issir taf.

Skont rapport mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, it-trasport kien responsabbli għal madwar kwart tal-emissjonijiet totali tas-CO2 tal-UE fl-2019, li minnhom 71.7% ġew mit-trasport bit-triq.

L-UE għandha l-għan li tikseb tnaqqis ta' 90% fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport sal-2050, meta mqabbel mal-1990. Dan huwa parti mill-isforzi tagħha biex tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 u tikseb in-newtralità klimatika sal-2050 fil-qafas tal-pjan direzzjonali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Evoluzzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 fl-UE skont is-settur (1990 – 2019)  

L-emissjonijiet mit-trasport qed jiżdiedu

It-trasport huwa l-uniku settur fejn l-emissjonijiet tal-gassijiet serra żdiedu f'dawn l-aħħar tletin sena, b'żieda ta' 33.5% bejn l-1990 u l-2019.

It-tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport mhux se jkun faċli, peress li r-rata tat-tnaqqis fl-emissjonijiet naqset. Il-projezzjonijiet attwali poġġew it-tnaqqis fl-emissjonijiet tat-trasport sal-2050 għal 22% biss, ferm inqas mill-ambizzjonijiet attwali.


L-emissjonijiet mit-trasport fl-UE  

Il-karozzi fost l-aktar li jniġġsu

It-trasport bit-triq jammonta għal madwar għoxrin fil-mija tal-emissjonijiet tal-UE.

L-emissjonijiet ta' CO2 mit-trasport tal-passiġġieri jvarjaw b'mod sinifikanti skont il-mod tat-trasport. Il-karozzi tal-passiġġieri huma fost dawk li jniġġsu l-aktar, u huma responsabbli għal 61% tal-emissjonijiet totali ta' CO2 mit-trasport bit-triq fl-UE.

Bħalissa r-rata medja ta' okkupazzjoni fl-Ewropa fl-2018 kienet biss ta' 1.6 persuna għal kull karozza. Jekk inżiduha, permezz tal-car sharing jew billi nużaw aktar it-trasport pubbliku, iċ-ċikliżmu u l-mixi, ngħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet.


Il-karozzi elettriċi huma aktar nodfa?

Hemm żewġ modi kif innaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 mill-karozzi: billi nagħmlu l-vetturi aktar effiċjenti jew billi nibdlu l-fjuwil li jużaw. Fl-2019, il-maġġoranza tal-karozzi tat-trasport bit-triq fl-Ewropa użaw id-diżil (67%) segwiti minn dawk li użaw il-petrol (25%).

Madankollu, il-karozzi elettriċi qed jibdew jintużaw dejjem iktar, u qed jirrappreżentaw 17.8% tal-vetturi tal-passiġġieri ġodda kollha rreġistrati fl-2021, żieda sinifikanti minn 10.7% fl-2020.

Il-bejgħ ta' vetturi elettriċi – vetturi elettriċi bil-batterija u vetturi elettriċi ibridi plug-in – żdied mill-2017 u ttrippla fl-2020 meta bdew japplikaw il-miri attwali tas-CO2.

Il-vannijiet elettriċi ammontaw għal 3.1% tas-sehem mis-suq għall-vannijiet irreġistrati ġodda fl-2021.

Biex jiġi kkalkulat l-ammont ta' CO2 prodott minn karozza, ma jridx jitqies biss is-CO2 emess waqt l-użu, iżda l-emissjonijiet ikkawżati mill-produzzjoni u r-rimi tiegħu wkoll.

Il-produzzjoni u r-rimi ta' karozza elettrika huma anqas favorevoli għall-ambjent minn karozza b'magna ta' kombustjoni interna, u l-livell ta' emissjonijiet minn vetturi elettriċi jvarja skont kif jiġi prodott l-elettriku.

Madankollu, meta titqies it-taħlita medja ta' enerġija fl-Ewropa, il-karozzi elettriċi diġà qed juru li huma aktar nodfa minn vetturi li jaħdmu bil-petrol. Peress li s-sehem tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli huwa mistenni li jiżdied fil-futur, il-karozzi elettriċi għandhom isiru saħansitra inqas ta' ħsara għall-ambjent, speċjalment minħabba l-pjanijiet tal-UE biex il-batteriji jsiru aktar sostenibbli.


Evoluzzjoni tal-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri f'CO2 g/kilometru  

Il-miri tal-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq

 

L-UE qed tintroduċi miri ġodda għall-emissjonijiet tas-CO2, li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet dannużi minn karozzi tal-passiġġieri ġodda u vetturi kummerċjali ħfief (vannijiet).

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tistabbilixxi t-triq lejn żero emissjonijiet ta’ CO2 għal karozzi ġodda tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief fl-2035. Il-miri intermedji ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 huma stabbiliti għal 55 % għall-karozzi u 50 % għall-vannijiet.

Il-Parlament u l-pajjiżi tal-UE laħqu ftehim dwar il-verżjoni finali tar-regoli f'Ottubru 2022. Il-ftehim ġie approvat mill-Parlament fi Frar 2023 u għad irid jiġi approvat formalment mill-Kunsill.

Tgħallem aktar dwar il-miri l-ġodda tas-CO2 għall-karozzi u l-projbizzjoni tal-UE fuq il-bejgħ ta’ karozzi ġodda bil-petrol u d-diżil mill-2035.


Miżuri oħra tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport

Biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq, l-UE biħsiebha tikkomplementa l-miri tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet:

Aqra aktar dwar l-idroġenu rinnovabbli, fjuwil nadif li qed jikkunsidraw il-Membri tal-PE.


Minbarra li jistabbilixxu miri għall-emissjonijiet mill-karozzi, il-Membri tal-PE qed jagħmlu rieżami ta' miżuri oħra għall-ajruplani u l-bastimenti: l-inklużjoni tat-trasport marittimu fl-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet; ir-reviżjoni tal-iskema għall-avjazzjoni; u l-proposta ta' fjuwils aktar sostenibbli għall-avjazzjoni u l-bastimenti. Minkejja li l-avjazzjoni u t-tbaħħir jammontaw biss għal madwar 8% tal-emissjonijiet totali tal-UE, l-emissjonijiet tagħhom qed ikomplu jiżdiedu.

Ara l-infografika tagħna dwar il-progress tal-UE biex tilħaq il-miri tagħha tal-2020 għat-tibdil fil-klima