Intejbu s-saħħa pubblika: il-miżuri tal-UE mfissra

L-UE tgħin biex ittejjeb is-saħħa pubblika billi tiffinanzja u tilleġiżla dwar firxa wiesgħa ta' suġġetti, bħall-ikel, il-mard, l-arja nadifa u oħrajn.

Għaliex huma meħtieġa l-politiki tas-saħħa fil-livell tal-UE?

 

Il-gvernijiet nazzjonali huma primarjament responsabbli għall-organizzazzjoni u l-għoti tal-kura tas-saħħa u s-sigurtà soċjali. Ir-rwol tal-UE huwa li tikkomplementa u tappoġġja lill-Istati Membri biex itejbu s-saħħa taċ-ċittadini Ewropej, inaqqsu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa u jaħdmu biex l-Ewropa ssir aktar soċjali.

 

L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol u l-moviment liberu tal-persuni u l-merkanzija fis-suq intern jeħtieġu l-koordinazzjoni ta' kwistjonijiet tas-saħħa pubblika. Il-politika tas-saħħa pubblika tal-UE għenet biex il-pajjiżi jiġbru r-riżorsi tagħhom u jindirizzaw sfidi komuni bħar-reżistenza għall-antimikrobiċi, il-mard kroniku li jista' jiġi evitat u popolazzjoni li kulma jmur aktar qed tixjieħ.



Il-livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fl-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni.
L-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
Bażi legali għall-politika tas-saħħa tal-UE
Sors "Il-livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fl-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni." jiftaħ f'paġna ġdida

L-UE toħroġ rakkomandazzjonijiet u għandha liġijiet u standards biex tipproteġi lin-nies, li jkopru l-prodotti u s-servizzi tas-saħħa (bħall-prodotti mediċinali, l-apparati mediċi, l-eHealth), u l-pazjenti (regoli dwar id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transfruntiera).

Il-Coronavirus

 

Waqt il-kriżi tal-COVID-19, l-UE ħadmet mal-Istati Membri biex isaħħu s-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa u jillimitaw il-firxa tal-virus, billi jiżguraw il-forniment ta' tagħmir protettiv personali u provvisti mediċinali fl-Ewropa kollha, jimmobilizzaw ir-riżorsi, jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni għal trattament effettiv, jikkoordinaw ir-rekwiżiti marbuta mal-ivvjaġġar u jiskrutinizzaw l-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni tal-vaċċini.

 

Agħti ħarsa lejn il-kronoloġija tal-azzjoni tal-UE kontra l-Covid-19

 

Mindu bdiet il-pandemija, ix-xogħol mid-dar kien sfida għal ħafna ħaddiema meta ġew biex jorganizzaw il-ħin għax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u l-benessri tagħhom. Skont studju mitlub mill-Kumitat tal-Parlament għad-drittijiet tan-nisa, il-pressjoni biex jinstab bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja ħoloq l-ansjetà, speċjalment fost in-nisa.

Programm imsaħħaħ tal-UE għas-Saħħa

 

Il-politiki tas-saħħa jiġu ffinanzjati permezz tal-Programm tas-Saħħa tal-UE, li jħeġġeġ il-kooperazzjoni u jippromwovi strateġiji għal kura tas-saħħa u saħħa tajba.

 

It-tifqigħa tal-coronavirus uriet il-ħtieġa li l-pajjiżi tal-UE jikkooperaw u jikkoordinaw aħjar fi żminijiet ta' kriżi. F'riżoluzzjoni dwar il-pjan ta' rkupru ekonomiku, il-Membri tal-PE insistew fuq il-ħolqien ta' programm tas-saħħa Ewropew ġdid u indipendenti.

 

B'rispons għas-sejħa tal-Parlament, il-Kummissjoni pproponiet programm tas-saħħa ġdid li jismu l-UE għas-Saħħa, li ġie adottat mill-Parlament f'Marzu 2021. Il-programm, li jiswa €5,1 biljun, għandu l-għan li jimla l-lakuni li nkixfu mill-pandemija u jtejjeb il-kapaċità tal-ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE, kif ukoll li jippromwovi l-innovazzjoni u l-investiment fis-settur tal-kura tas-saħħa.

 

Il-programm il-ġdid l-UE għas-Saħħa jiffoka fuq tliet prijoritajiet ewlenin:

 

  • Nipproteġu l-persuni minn theddidiet transfruntieri serji għas-saħħa
  • Nagħmlu l-mediċini u l-provvisti mediċi disponibbli u għall-but ta' kulħadd
  • Insaħħu s-sistemi tas-saħħa u l-forza tax-xogħol tal-kura tas-saħħa

Aġenziji tal-UE

Dawn l-aġenziji speċjalizzati tal-UE jaħdmu biex jiżguraw saħħa mtejba u postijiet tax-xogħol aktar siguri u ħielsa mill-periklu

Il-mediċini u t-tagħmir mediku

 

L-UE tirregola l-awtorizzazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-mediċini permezz tan-network regolatorju Ewropew tal-mediċini, li huwa sħubija bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, ir-regolaturi nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea. Ladarba fis-suq, is-sikurezza tal-prodotti awtorizzati tkompli tiġi mmonitorjata.

 

F'Jannar 2022 il-Parlament approva l-ftehim proviżorju li ntlaħaq mal-Kunsill is-sena l-oħra dwar iż-żieda tas-setgħat tar-regolatur tal-UE għall-mediċini. Dan jista' jwassal għal tħejjija għall-kriżijiet u ġestjoni aħjar f'dak li jirrigwarda l-prodott mediċinali u t-tagħmir mediku.

 

Hemm regoli speċifiċi tal-UE li jkopru l-mediċini għat-tfal, il-mard rari, il-prodotti ta' terapija avvanzata u l-provi kliniċi. L-UE għandha wkoll regoli biex tiġġieled kontra l-mediċini ffalsifikati u biex tiżgura li l-kummerċ tal-mediċini jkun ikkontrollat.

 

Waqt is-sessjoni plenarja f'Novembru 2021, il-Parlament Ewropew stabbilixxa serje ta' rakkomandazzjonijiet biex tiġi aġġornata l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-farmaċewtika. L-MEPs għamlu sejħa għal mediċini għall-but ta' kulħadd, li jiġu evitati l-iskarsezzi u industrija newtrali għall-klima.

 

Fl-2017, il-Membri tal-PE adottaw regoli ġodda dwar l-apparat mediku u l-apparat mediku dijanjostiku in vitro, bħall-valvoli tal-qalb jew it-tagħmir tal-laboratorju, biex iżommu l-pass mal-progress xjentifiku, itejbu s-sikurezza u jiżguraw trasparenza aħjar.

 

Peress li r-regoli dwar l-użu tal-kannabis għall-użu mediku jvarjaw ħafna fost il-pajjiżi tal-UE, il-Parlament appella għal approċċ fl-UE kollha u għal riċerka xjentifika ffinanzjata kif xieraq fl-2019.

Il-kura tas-saħħa meta tkun imsiefer

 

Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC) tiżgura li l-persuni li jgħixu fl-UE jista' jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa medika meħtieġa u pprovduta mill-istat waqt żjara temporanja – indipendentement minn jekk hux minħabba vjaġġ ta' negozju, btala jew studju barra l-pajjiż – fil-pajjiżi kollha tal-UE, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera. Il-kura tas-saħħa meħtieġa għandha tiġi pprovduta bl-istess kundizzjonijiet u l-istess spiża (b'xejn f'xi pajjiżi) daqs il-persuni assigurati f'dak il-pajjiż.

Nippromwovu s-saħħa u niġġieldu l-mard

 

L-UE taħdem biex tippromwovi s-saħħa u tipprevjeni l-mard f'oqsma bħall-kanċer, is-saħħa mentali u l-mard rari, u tipprovdi informazzjoni dwar il-mard permezz taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC).

 

F'Ottubru 2022, il-Parlament approva l-mandat estiż għall-ECDC. Iċ-Ċentru se jadotta rwol iktar f'saħħtu biex jappoġġja l-Istati Membri tal-UE fil-prevenzjoni u l-kontroll tat-theddid tal-mard infettiv.

 

Fl-istess ħin, il-Membri tal-PE adottaw ukoll qafas ġdid dwar it-theddidiet transfruntieri serji għas-saħħa li se jippermetti lill-UE tantiċipa u tirrispondi aħjar għall-kriżijiet tas-saħħa tal-futur. Dawn il-miżuri ġodda huma parti mill-ewwel passi lejn it-tiswir ta' Unjoni tas-Saħħa fl-Ewropa li tkun imsejsa fuq it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19.

 

Il-Kanċer

 

Il-ġlieda kontra l-kanċer dejjem kienet prijorità tal-UE. L-UE tinvesti fondi fi proġetti ta' riċerka u programmi ta' taħriġ, tadotta leġiżlazzjoni u tikkomplementa l-isforzi tal-Istati Membri billi tikkondividi l-informazzjoni u l-aħjar prattiki. Fi Frar 2021, il-Kummissjoni Ewropea ressqet pjan ta' azzjoni ambizzjuż biex tiġġieled il-kanċer, li jismu l-Pjan Ewropew biex Jingħeleb il-Kanċer.

 

It-Tabakk

 

Fl-UE, kważi 700,000 ruħ imutu kull sena minħabba l-konsum tat-tabakk. Id-Direttiva aġġornata tal-UE dwar it-tabakk, li għandha l-għan li tagħmel il-prodotti tat-tabakk inqas attraenti għaż-żgħażagħ, saret applikabbli fl-2016. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2009 dwar ambjenti bla tipjip tistieden lill-pajjiżi tal-UE jipproteġu lin-nies milli jkunu esposti għad-duħħan tat-tabakk f'postijiet pubbliċi u fuq il-post tax-xogħol.

 

Mard rari

 

Madwar 30 miljun Ewropew huma affettwati minn mard rari u kumpless. Biex tgħin bid-dijanjożi u t-terapiji, fl-2017, l-UE waqqfet in-Networks ta' Referenza Ewropej (NRE). L-24 network virtwali eżistenti jlaqqgħu flimkien speċjalisti minn pajjiżi differenti li jaħdmu fuq kwistjonijiet differenti, pereżempju dwar is-sikurezza tal-pazjenti jew il-prevenzjoni tar-reżistenza għall-antimikrobiċi.

 

Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi

 

Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) qed tiżdied minħabba l-użu eċċessiv ta' antibijotiċi, ir-rimi mhux xieraq ta' mediċini jew in-nuqqas ta' żvilupp ta' sustanzi ġodda. Madwar 33,000 ruħ imutu kull sena fl-UE b'kawża ta' dan. Il-pjan ta' azzjoni tal-UE tal-2017 kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi għandu l-għan li jippromwovi sensibilizzazzjoni u iġjene aħjar kif ukoll li jistimula r-riċerka. Fl-2018 ġie adottat Regolament ġdid dwar il-prodotti mediċinali veterinarji, biex jitrażżan l-użu tal-antibijotiċi fil-biedja u biex ir-reżistenza tagħhom fl-annimali ma titħalliex tgħaddi fuq il-bnedmin.

 

Vaċċini 

 

Bosta pajjiżi tal-UE qed jiffaċċjaw tifqigħat ta' mard li jista' jiġi evitat permezz ta' vaċċin, bħall-ħosba, minħabba r-rati insuffiċjenti ta' kopertura tat-tilqim. F'riżoluzzjoni adottata fl-2018, il-Membri tal-PE talbu kalendarju allinjat aħjar għat-tilqim madwar l-Ewropa, aktar trasparenza fil-produzzjoni tal-vaċċini u xiri konġunt biex jitnaqqsu l-prezzijiet.

 

Saħħa Mentali 

 

Il-Parlament Ewropew ilu jappoġġa l-importanza tal-benessri mentali F'Lulju 2020, il-Parlament irrikonoxxa s-saħħa mentali bħala dritt fundamentali u talab pjan ta' azzjoni tal-UE dwar is-saħħa mentali. F'Lulju 2021, il-Membri tal-PE talbu d-dritt ta' skonnessjoni mix-xogħol wara l-ħinijiet tax-xogħol. Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni 2022, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen wegħdet strateġija ġdida tal-UE għas-saħħa mentali.

Niġġieldu infezzjonijiet reżistenti għall-mediċini

Arja aktar nadifa, ilma aktar nadif

 

Il-kwalità ħażina tal-arja hija l-kawża ambjentali ewlenija ta' mewt prematura fl-Ewropa. Sa mill-bidu tas-snin sebgħin, l-UE ħadet azzjoni biex tikkontrolla l-emissjonijiet ta' sustanzi ta' ħsara. Fl-2016 ġiet adottata direttiva ġdida li stabbiliet valuri ta' limitu nazzjonali tal-emissjonijiet aktar stretti għas-sustanzi ewlenin li jniġġsu l-arja, bħall-ossidi tan-nitroġenu, biex l-impatt tagħhom fuq is-saħħa jitnaqqas bin-nofs meta mqabbel mal-2005.

 

Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tipproteġi l-ilmijiet tal-UE u tikkonċerna l-ilmijiet kollha ta' taħt l-art u tal-wiċċ, inklużi x-xmajjar, il-lagi u l-ilmijiet kostali.

 

L-ilmijiet għall-għawm huma mmonitorjati għal batterji minn pajjiżi tal-UE permezz tad-direttiva dwar l-ilma għall-għawm. L-UE qed taġġorna wkoll id-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb sabiex tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ilma tax-xorb kif ukoll l-aċċess għalih filwaqt li tnaqqas ukoll il-ħela kkawżata mill-konsum tal-ilma fil-fliexken.

 

Ikel sigur

 

L-UE għandha regoli li jiggarantixxu livell għoli ta' sikurezza fl-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ikel. Fl-2017, l-ispezzjonijiet uffiċjali tul il-katina alimentari kollha saru aktar riġidi.

 

Hemm regoli speċifiċi tal-iġjene għal:

 

  • l-ikel li joriġina mill-annimali
  • il-kontaminazzjoni tal-ikel (l-iffissar ta' livelli massimi għal kontaminanti bħalma huma n-nitrati, il-metalli tqal jew id-diossini)
  • l-ikel ġdid (prodott minn mikroorganiżmi jew bi struttura molekulari primarja ġdida)
  • il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel (bħal materjali tal-imballaġġ u pożati u reċipjenti għal fuq il-mejda).

L-UE għandha wkoll qafas legali strett għall-kultivazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-organiżmi ġenetikament modifikati (GMO) użati fl-għalf u fl-ikel. Il-Parlament Ewropew huwa partikolarment attent għar-riskji potenzjali għas-saħħa u oppona pjanijiet għall-awtorizzazzjoni ta' pjanti ġenetikament modifikati ġodda bħal pereżempju l-fażola tas-sojja.

 

Fl-2019, il-Membri tal-PE adottaw rapport dwar kif jista' jittejjeb l-użu sostenibbli tal-pestiċidi u appoġġjaw ir-rapport tal-kumitat speċjali tiegħu li rrakkomanda proċeduri ta' awtorizzazzjoni aktar trasparenti.

 

Peress li hemm aktar konsumaturi jixtru ikel organiku, fl-2018 l-UE aġġornat ir-regoli tagħha dwar il-biedja organika biex ikollha kontrolli aktar stretti u prevenzjoni aħjar tal-kontaminazzjoni.

 

F'Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet strateġija ġdida tal-UE dwar is-sostenibbiltà tal-ikel li għandha l-għan li tiżgura ikel sikur, nutrittiv u san.

Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità: Aċċess aħjar għall-persuni b'diżabilità

Postijiet tax-xogħol ħielsa mill-periklu

 

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tistabbilixxi rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sikurezza biex jipproteġuk fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li tippermetti lill-Istati Membri japplikaw dispożizzjonijiet aktar stretti. Hemm dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-użu tat-tagħmir, il-protezzjoni tal-ħaddiema żgħażagħ u tqal.

 

Sabiex ikompli jonqos ir-riskju ta' ħaddiema li jimirdu, fis-17 ta' Frar 2022, il-Membri tal-PE vvutaw favur l-aġġornament tar-regoli tal-UE biex jiġu limitati s-sustanzi ta' ħsara fil-post tax-xogħol. Ir-regoli l-ġodda se jespandu l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva dwar il-karċinoġeni jew il-mutaġeni fil-post tax-xogħol biex jinkludu s-sustanzi li huma ta' ħsara għas-saħħa riproduttiva.

 

Il-forza tax-xogħol tal-Ewropa li qed tixjieħ u ż-żieda fl-età tal-irtirar joħolqu sfidi għas-sistema tal-kura tas-saħħa. Fl-2018, il-Membri tal-PE adottaw miżuri biex iżommu u jerġgħu jintegraw il-ħaddiema b'korrimenti jew problemi kroniċi tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol. Dan kien jinkludi li l-postijiet tax-xogħol isiru aktar adattabbli permezz ta' programmi ta' żvilupp tal-ħiliet, li jiġu żgurati kundizzjonijiet flessibbli tax-xogħol u li jingħata appoġġ lill-ħaddiema, inklużi t-taħriġ u l-aċċess għal psikologu jew terapista.

 

Soċjetà inklużiva

 

Biex jiġi żgurat li l-persuni b'diżabbiltà jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà, fl-2019 il-Parlament approva l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà. Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jiżguraw li l-prodotti u s-servizzi ewlenin ta' kuljum, bħall-ismartphones, il-kompjuters, il-kotba elettroniċi, il-biljetti, il-magni taċ-check-in u l-ATMs ikunu aċċessibbli għall-anzjani u l-persuni b'diżabbiltà madwar l-UE.

 

F'riżoluzzjoni adottata f'Ġunju 2020, il-Parlament talab Strateġija Ewropea tad-Diżabbiltà ġdida, komprensiva u ambizzjuża għal wara l-2020 li tintegra d-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà fil-politiki u l-oqsma kollha u tiżgura aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjiegi, it-trasport pubbliku u l-akkomodazzjoni. F'Marzu 2021 il-Kumissjoni adottat strateġija ġdida għall-perjodu 2021-2030 biex tgħin lill-pajjiżi tal-UE jkomplu jtejbu d-drittijiet u l-parteċipazzjoni tal-persuni li jgħixu b'diżabbiltà.

 

Skopri aktar dwar il-politiki soċjali tal-UE

 

Skopri aktar