Il-ġlieda tal-Parlament għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Photo by Brooke Cagle on Unsplash  

Skopri kif l-UE u l-Parlament Ewropew jiġġieldu għad-drittijiet tan-nisa u għat-titjib fl-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol, fil-politika u f'oqsma oħra.

X'tagħmel l-UE biex jingħelbu l-inugwaljanzi?


Fil-ġlieda favur l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-promozzjoni ta' Ewropa soċjali, l-Unjoni Ewropea ilha timxi mal-prinċipju tal-"integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi" sa mill-bidu tagħha.

L-UE adottat liġijiet, tippubblika rakkomandazzjonijiet, skambji u prattiki tajba u tgħin lill-Istati Membri billi tiffinanzja l-azzjoni li jieħdu. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kellhom influwenza kbira fuq il-kunċetti tal-politika tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE. Il-Parlament Ewropew regolarment jadotta rapporti fuq inizjattiva proprja dwar dawn il-kwistjonijiet u jappella għal aktar sforzi biex titjieb l-ugwaljanza bejn is-sessi.


Il-Parlament Ewropew minn dejjem kien attiv ħafna fl-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u għandu kumitat permanenti dwar id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Kull sena, il-Parlament jiċċelebra l-Jum Internazzjonali tan-Nisa (8 ta' Marzu) u jqajjem kuxjenza billi jorganizza diversi attivitajiet.


L-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol


Fl-2019, l-UE approvat regoli ġodda dwar il-leave relatat mal-familja u l-indukrar u kundizzjonijiet tax-xogħol aktar flessibbli, b'tali mod li jinħolqu aktar inċentivi biex il-missirijiet jieħdu leave relatat mal-familja u jiżdied l-ammont ta' nisa li joħorġu jaħdmu.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol: 
  • regoli dwar l-impjieg (inkl. paga ugwali, sigurtà soċjali, kundizzjonijiet tax-xogħol u fastidju) 
  • regoli dwar l-impjieg indipendenti 
  • drittijiet għal-leave tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri 

Il-Parlament qed jitlob ukoll miżuri espliċiti biex tonqos id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fl-UE – minn medja ta' 16% fl-2017 – u jonqos id-distakk fil-pensjonijiet, li fl-2017 kien ta' 35.7%. Talab ukoll miżuri biex jiġi indirizzat il-faqar fost in-nisa, billi x'aktarx hemm aktar nisa milli rġiel jgħixu fil-faqar.


Fl-Ewropa teżisti differenza kbira bejn is-sessi fis-settur diġitali: in-nisa huma sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol u hemm ċans iżgħar li jibdew jistudjaw f'dan il-qasam. F'riżoluzzjoni adottata fl-2018, il-Parlament Ewropew stieden lill-pajjiżi tal-UE jintroduċu miżuri li jiżguraw l-integrazzjoni sħiħa tan-nisa fis-settur tal-ICT u jippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-ICT u s-suġġetti STEM.

Il-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa

L-UE qed tindirizza l-vjolenza fuq in-nisa b'diversi modi. Il-Parlament appella kemm-il darba għal strateġija tal-UE li ssaħħaħ il-politiki f'dan il-qasam. Jixtieq ukoll jikkonkludi l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa u li din tiġi ratifikata mill-pajjiżi kollha tal-UE.

Barra minn hekk, il-Parlament ġibed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jiġu miġġielda forom speċifiċi ta' vjolenza, inkluż il-fastidju sesswali, it-traffikar, il-prostituzzjoni furzata, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, is-cyberstalking u l-vjolenza online.

Fl-2014, il-Parlament Ewropew ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lill-ġinekologu Kongoliż Dr Denis Mukwege talli ddedika ħajtu biex jgħin lil eluf ta' vittmi ta' gang rape u vjolenza sesswali brutali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u talli ġġieled għad-dinjità tan-nisa, il-ġustizzja u l-paċi f'pajjiżu.

Mill-politika tal-migrazzjoni għall-kummerċ fl-UE


Il-Parlament kemm-il darba talab lill-Kummissjoni żżid il-konsistenza bejn il-politiki tal-kummerċ, l-iżvilupp, l-agrikoltura, l-impjiegi u l-migrazzjoni – pereżempju – u l-ugwaljanza bejn is-sessi.


F'riżoluzzjoni adottata fl-2016, il-PE talab sett ta' linji gwida dwar is-sessi fl-UE bħala parti minn riformi usa' dwar il-politika tal-migrazzjoni u l-asil.


F'rapport adottat fl-2018, l-MEPs talbu approċċ aktar sensittiv għas-sessi fil-politika dwar it-tibdil fil-klima u azzjoni li tagħti s-setgħa lin-nisa u tħares lil dawk l-aktar vulnerabbli.


Skont riżoluzzjoni adottata fl-2018, il-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE għandhom jinkludu dispożizzjonijiet vinkolanti u infurzabbli biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-ugwaljanza bejn is-sessi.

In-nisa fil-politika


Il-Parlament Ewropew kemm-il darba talab enfasi qawwija fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politika u ppromwova l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fil-proċessi deċiżjonali fil-livelli kollha.


F'rapport adottat f'Jannar 2019, il-Parlament stieden lill-partiti politiċi Ewropej jaraw li jinnominaw kemm nisa kif ukoll irġiel għall-korpi li jamministraw il-Parlament Ewropew fid-disa' leġiżlatura. Fil-Parlament il-ġdid, kostitwit uffiċjalment f'Lulju 2019, hemm aktar nisa minn qatt qabel – 41% tal-MEPs – meta mqabbel ma' 36.5 % fi tmiem il-leġiżlatura preċedenti.