X'inhi n-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju? Kif tista' tinkiseb sal-2050?  

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

X'inhi n-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju? Kif tista' tinkiseb sal-2050? Fil-liġi Ewropea dwar il-Klima, l-UE se timpenja ruħha favur in-newtralità tal-karbonju sal-2050.

It-tibdil fil-klima diġà qed jolqot lid-dinja kollha, u l-kundizzjonijiet ta' temp estrem, bħan-nixfiet, il-mewġiet ta' sħana, ix-xita qawwija, l-għargħar u l-uqigħ tal-art qed isiru aktar frekwenti, anke fl-Ewropa. Konsegwenzi oħra tat-tibdil rapidu fil-klima jinkludu żieda fil-livelli tal-ibħra, l-aċidifikazzjoni tal-oċeani u t-telf tal-bijodiversità.

Sabiex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1.5 gradi Celsius, li hu livell ta' limitu suġġerit bħala sikur mill-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), in-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sa nofs is-seklu 21 hija essenzjali. Din il-mira hija mniżżla wkoll fil-Ftehim ta' Pariġi ffirmat minn 195 pajjiż, inkluża l-UE.

F'Diċembru 2019, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-pjan ewlieni tagħha li għandu l-għan li jagħmel l-Ewropa newtrali għall-klima sal-2050. Din il-mira se tintlaħaq permezz tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima li tistabbilixxi n-newtralità klimatika fil-leġiżlazzjoni vinkolanti tal-UE.KWOTAZZJONI: L-Artikolu 4 tal-Ftehim ta' Pariġi:

"Sabiex tintlaħaq il-mira fit-tul dwar it-temperatura [...], il-Partijiet għandhom l-għan li jilħqu livell massimu globali tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra malajr kemm jista' jkun, [...], u li minn hemm' il quddiem iwettqu tnaqqis rapidu f'konformità mal-aqwa xjenza disponibbli, sabiex jinkiseb bilanċ bejn l-emissjonijiet antropoġeniċi minn sorsi u l-assorbimenti minn bjar ta' gassijiet serra fit-tieni nofs ta' dan is-seklu[...]."

Sors: https://unfccc.int/sites/default/files/english_paris_agreement.pdf

Forests help to absorb carbon from the atlmosphere. Photo by Sebastian Pichler on Unsplash  

X'inhi n-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju?

In-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju tfisser li jkun hemm bilanċ bejn l-emissjonijiet tal-karbonju u l-assorbiment tal-karbonju mill-atmosfera fi bjar tal-karbonju. Sabiex jinkisbu emissjonijiet żero netti, l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra se jkollhom jiġu kontrobilanċjati permezz tal-assorbiment tal-karbonju.

"Bir tal-karbonju" tfisser kwalunkwe sistema li tassorbi aktar karbonju milli tipproduċi. Il-bjar tal-karbonju naturali ewlenin huma l-ħamrija, il-foresti u l-oċeani. Skont l-istimi, il-bjar naturali jneħħu bejn 9.5 u 11-il Gt ta' CO2 fis-sena. L-emissjonijiet annwali dinjija ta' CO2 laħqu 38.0 Gt fl-2019.

Sal-lum, m'hemm l-ebda bir artifiċjali tal-karbonju li jista' jneħħi l-karbonju mill-atmosfera fuq l-iskala meħtieġa biex jiġi miġġieled it-tisħin globali.

Il-karbonju maħżun fi bjar naturali bħall-foresti jiġi rilaxxat fl-atmosfera permezz tan-nirien tal-foresti, bidliet fl-użu tal-art jew il-qtugħ tas-siġar. Din hi r-raġuni għalfejn huwa essenzjali li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju sabiex tintlaħaq in-newtralità klimatika.

Il-kumpens għall-emissjonijiet tal-karbonju

 

Mod ieħor kif jitnaqqsu l-emissjonijiet u tiġi segwita n-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju huwa li l-emissjonijiet li jinħolqu f'settur jiġu kumpensati billi jitnaqqsu xi mkien ieħor. Dan jista' jsir permezz ta' investiment fl-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u teknoloġiji oħra nodfa u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. L-iskema għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS) tal-UE hija eżempju ta' sistema ta' kumpens għall-emissjonijiet tal-karbonju.

L-għanijiet tal-UE

 

L-Unjoni Ewropea hija impenjata favur politika ambizzjuża fir-rigward tal-klima. Skont il-Patt Ekoloġiku hija għandha l-għan li ssir l-ewwel kontinent li sal-2050 ineħħi emissjonijiet tas-CO2 daqs kemm jipproduċi. Dan l-għan se jsir legalment vinkolanti jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw il-Liġi l-ġdida dwar il-Klima. Il-mira interim tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 tiġi aġġornata wkoll mit-tnaqqis attwali ta' 40 % għal wieħed aktar ambizzjuż.

Fis-7 ta' Ottubru l-Kumitat ENVI tal-Parlament approva n-newtralità klimatika sal-2050 u mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' 60 % sal-2030 meta mqabbel mal-livell tal-1990 – li hija aktar ambizzjuża mill-proposta inizjali tal-Kummissjoni ta' 55%. Il-Membri qed jitolbu lill-Kummissjoni tistabbilixxi mira interim addizzjonali għall-2040 biex tiżgura li jsir progress lejn l-għan finali.

Barra minn hekk, il-membri talbu li l-pajjiżi kollha tal-UE individwalment isiru newtrali għall-klima u insistew li wara l-2050, irid jitneħħa mill-atmosfera aktar CO2 milli jiġi rilaxxat. Barra minn hekk, is-sussidji kollha diretti u indiretti għall-fjuwils fossili għandhom jiġu eliminati progressivament sa mhux aktar tard mill-2025.

Il-MPE iridu wkoll iwaqqfu Kunsill Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima (ECCC) bħala korp xjentifiku indipendenti biex jivvaluta jekk il-politika hijiex konsistenti u biex jimmonitorja l-progress.

Imbagħad, il-Parlament se jibda n-negozjati mal-Kunsill.

Fil-preżent, ħames pajjiżi tal-UE stabbiliew il-mira tan-newtralità klimatika fil-liġi: L-Iżvezja għandha l-għan li tilħaq emissjonijiet netti żero sal-2045, u d-Danimarka, Franza, il-Ġermanja u l-Ungerija sal-2050.

Skopri aktar dwar il-ġlieda tal-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2: