Kif inżidu l-investiment ekoloġiku fl-UE  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-UE ħerqana li timbotta proġetti favur l-ambjent ©Mikel Martinez De Osaba/123RF/European Union – EP  

Biex ikollna ekonomija li tniġġes inqas, għandna bżonn investiment sinifikanti. L-UE trid tattira aktar flus mill-privat għax il-fondi pubbliċi mhumiex biżżejjed.

Investimenti fl-UE

L-UE għandha bżonn mal-€180 biljun fis-sena ta' investiment addizzjonali fl-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju b'40% sal-2030. Għal newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-2050, hemm bżonn saħansitra iżjed.


Xi investiment fi proġetti klimatiċi u ambjentali jiġi mill-baġit tal-UE. Pereżempju, madwar 20% mill-baġit ta' €165.8 biljun għall-2019 huwa relatat mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-Parlament Ewropew irid li dan is-sehem jiżdied għal 30%.


L-UE kif tattira investiment ekoloġiku mill-privat?

Il-fondi pubbliċi mhumiex biżżejjed għall-ammont ta' investiment ekoloġiku li hemm bżonn, u għalhekk l-UE qed taħdem biex tattira l-investiment privat. Diġà ġew mobilizzati biljuni ta' ewro permezz ta' self mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Barra minn hekk, is-sehem ta' fondi allokati għal proġetti relatati mal-klima mistenni jiżdied.


Il-BEI sar għandu rwol akbar fil-finanzjament ta' proġetti favorevoli għall-klima. Fid-diskors tagħha fil-Parlament f'Lulju, Ursula von der Leyen, il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea, qalet li kien beħsiebha tipproponi rwol saħansitra akbar billi partijiet mill-BEI jsiru "bank klimatiku" Ewropew. Il-kwistjoni ta' kif jista' jiżdied l-involviment tal-BEI fi proġetti ekoloġiċi ġiet diskussa mill-Membri tal-Parlament Ewropew nhar l-Erbgħa 9 ta' Ottubru.


F'dak li għandu x'jaqsam ma' investimenti sostenibbli, il-Parlament u l-Kunsill qed jiddiskutu wkoll regoli ġodda li jservu ta' gwida biex l-investituri, l-impriżi u dawk li jfasslu l-politika jifhmu aħjar liema attivitajiet u investimenti ekonomiċi għandhom jitqiesu bħala ekoloġiċi.