L-UE u l-Ftehim ta' Pariġi: lejn newtralità f'termini ta' klima  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

©123RF/European Union–EP  

Il-Parlament irid għanijiet aktar ambizzjużi, iżda l-pajjiżi tal-UE se jaqblu li jiffissaw objettiv għan-newtralità tal-klima sal-2050?

Il-ġimgħa d-dieħla, il-Membri tal-Parlament Ewropew se jivvutaw dwar riżoluzzjoni li titlob lill-Unjoni Ewropea biex, sal-2050, tistabbilixxi n-newtralità klimatika bħala l-objettiv fit-tul tagħha dwar il-klima skont il-Ftehim ta' Pariġi. Il-votazzjoni fil-plenarja se ssir qabel il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima li se ssir f'Madrid f'Diċembru.

Il-Ftehim ta' Pariġi għandu l-għan li jillimita t-tisħin globali għal ħafna taħt iż-2°C u li jsiru sforzi biex jillimitawh għal 1.5°C sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi katastrofiċi tat-tibdil fil-klima. Dan ġie ffirmat minn 194 pajjiż kif ukoll mill-Unjoni Ewropea. Il-pajjiżi kollha tal-UE huma firmatarji individwalment, iżda jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom flimkien u jistabbilixxu miri komuni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-livell tal-UE.

Miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet

Sabiex jintlaħaq l-għan tal-Ftehim ta' Pariġi, il-pajjiżi huma meħtieġa jistabbilixxu l-għanijiet għall-isforzi klimatiċi tagħhom kull ħames snin, filwaqt li maż-żmien iżidu l-livell ta' ambizzjoni tagħhom. Dawn l-għanijiet huma magħrufa bħala kontributi determinati fil-livell nazzjonali (NDCs). L-aġġornamenti u l-għanijiet il-ġodda huma mistennija mill-firmatarji kollha sa tmiem l-2020.

L-għanijiet klimatiċi tal-UE

L-UE kienet l-ewwel ekonomija ewlenija li ppreżentat l-objettiv tagħha ta' tnaqqis tal-emissjonijiet skont il-Ftehim ta' Pariġi. L-objettiv attwali tagħha huwa li tnaqqas l-emissjonijiet ta' CO2 tagħha b'40 % sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Madankollu, qed tiżdied il-pressjoni biex jiġi stabbilit livell aktar ambizzjuż.


Skont rapport tal-IPCC dwar it-tisħin globali tal-2018, sabiex il-mira ta' 1.5°C tkun tista' tintlaħaq, l-emissjonijiet globali għandhom jilħqu livell żero nett sal-2050. Il-protesti taż-żgħażagħ u l-istrajks fl-iskejjel favur il-klima madwar id-dinja, mibdija mill-attivista Żvediża Greta Thunberg, u stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru tal-2019 juru li l-Ewropej huma lesti li jaħdmu favur għanijiet klimatiċi aktar stretti.

Il-mexxejja tal-UE ser jiddiskutu t-tibdil fil-klima u l-għanijiet fit-tul tal-UE dwar il-klima matul is-summit tagħhom ta' Diċembru u l-UE mistennija tippreżenta l-istrateġija aġġornata tagħha dwar il-klima lin-NU fil-bidu tal-2020.

Termini ewlenin  
  • UNFCCC (il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima): daħlet fis-seħħ fl-1994 u fil-qafas tagħha ġew miftiehma il-Ftehim ta' Pariġi u l-protokoll ta' Kjoto  
  • COP (il-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC): il-parteċipanti jiltaqgħu kull sena biex jiddiskutu kif jistgħu jilħqu l-miri tal-konvenzjoni  
  • NDC (kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali): il-mira ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima li kull ħames snin kull firmatarju tal-Ftehim ta' Pariġi huwa meħtieġ li jistabbilixxi