Ħames modi kif l-UE tipproteġik meta tixtri online (filmat) 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Hekk kif aktar u aktar minna jagħżlu li jixtru online, agħti titwila lill-filmat tagħna biex tiskopri ħames modi kif l-UE tagħmel il-kummerċ elettroniku aktar sikur għal kulħadd.

Bis-saħħa tas-suq uniku diġitali l-ħajja ta' dawk li jixtru online issa hija ħafna aktar sikura u faċli.

Id-drittijiet ewlenin

Skont il-liġijiet tal-UE issa tista' tixtri oġġetti jew servizzi online mill-pajjiż tal-UE li trid int. Il-bejjiegħa ma għadhomx jistgħu jirridirezzjonawk lejn il-ħanut lokali bi prezzijiet u prodotti differenti, prattika magħrufa bl-isem "imblukkar ġeografiku". Ir-regolament li jtemm l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat, approvat mill-Ewroparlamentari, daħal fis-seħħ fl-UE kollha fit-3 ta' Diċembru 2018.

Barra minn hekk, il-bejjiegħa online għandhom l-obbligu li jispeċifikaw b'mod ċar l-ispejjeż kollha mill-bidu nett, spiċċaw is-surpriżi koroh meta tmur fil-paġna tal-pagament. Għandhom jagħtu informazzjoni ċara dwar il-prezz totali, inklużi t-taxxi u l-ħlasijiet addizzjonali kollha. Jekk hemm spejjeż addizzjonali għas-servizzi bħal konsenja express jew assigurazzjoni fuq l-ivvjaġġar, ma tistax tkun obbligat li tħallashom sakemm ma tagħżilx attivament li tagħmel dan. Ma tistax tintalab tħallas aktar għax tuża l-karta ta' kreditu jew debitu tiegħek.

Id-dritt li tirritorna jew tikkanċella

Għandek 14-il ġurnata biex tirritorna ordni li għamilt online għal kwalunkwe raġuni u biex jagħtuk rimborż. Jeżistu xi eċċezzjonijiet, bħall-biljetti tal-ferrovija jew tal-ajruplan, biljetti ta' kunċerti jew prenotazzjonijiet f'lukandi. Għandek ukoll l-obbligu li tinforma lin-negozjat li trid tikkanċella x-xirja.

Għandek ukoll id-dritt li tikkanċella ordni jekk ma jkunlekx ikkonsenjat fiż-żmien maqbul jew fi żmien 30 ġurnata u tirċievi rimborż.

Sentejn garanzija b'xejn

L-oġġetti kollha li jinxtraw fil-pajjiżi tal-UE, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein u fin-Norveġja huma koperti minn minimu ta' sentejn garanzija. Ir-regoli nazzjonali jistgħu jipprevedu protezzjoni supplimentari u negozjant jista' wkoll joffri garanzija addizzjonali, iżda din ma tiħux post jew tnaqqas is-sentejn garanzija. Jekk matul il-konsenja l-prodott li xtrajt issirlu l-ħsara, ikollu xi difett jew ma jidhirx jew jaħdem kif kien irreklamat, il-bejjiegħ huwa obbligat isewwih jew jibdilhulek mingħajr ħlas jew jagħtik skont fil-prezz jew rimborż totali. Il-garanzija tkopri wkoll l-oġġetti użati li jkunu nxtraw minn negozjant, iżda mhux minn individwi privati.